Lokali

Għalliema Maltija titlef ħajjitha fl-Iskozja – imut ukoll tifel ta’ 4 snin u tliet Skoċċiżi

Il-familja li kienet flimkien mal-għalliema Maltija hi familja minn Sirakuża

Għalliema Maltija, Francis Patanè magħrufa fost sħabha bħala Silvana u li ilha għall-aħħar snin tgħix f’Sirakuża, tilfet ħajjitha wara inċident tat-traffiku waqt vaganzi fl-Iskozja. Fl-istess inċident tilef ħajtu wkoll tifel ta’ erba’ snin, tal-familja li kienet magħhom, u tliet Skoċċiżi.

L-inċident seħħ fir-Reġjun ta’ Moray, fl-Iskozja, meta Francis u r-raġel tagħha kienu abbord vann tat-tip Fiat li ħabat head on f’vettura privata li kienet ġejja min-naħa l-oħra.

Minbarra Francis u t-tifel Lorenzo, li mietu mad-daqqa, kien hemm ukoll ħuħ ta’ tliet snin, Federico li fortunatament ma ġralu xejn. Il-ġenituri taż-żewġt itfal, li jinsabu f’qagħda kritika, ġew identifikati bħala Concetta Passanisi, uffiċjal tal-Pulizija f’ħabs ta’ Brucoli, u Alfredo Ciocola, uffiċjal tal-Guardia Costiera ta’ Augusta.

Il-familja li kienet flimkien mal-għalliema Maltija hi familja minn Sirakuża.

Mill-vettura l-oħra li ħabtet fil-vann tat-turisti ħelisha biss ix-xufier Morag Smith ta’ 39 sena, li sofra ġrieħi serji, bil-midja Skoċċiża qed tirrapporta wkoll il-mewt ta’ Ted Reid, ta’ 63 sena, Evalyn Collie ta’ 69 sena u Audrey Appleby ta’ 70 sena li kienu passiġġieri.

Jirriżulta li t-tliet anzjani kienu qed jirritornaw lura minn lejl ta’ mużika country f’Elgin, meta għal xi raġuni tilfu l-kontroll tal-vettura u kkawżaw l-inċident li seħħ ftit qabel nofsillejl.

Jirriżulta li fost l-ewwel fil-post kienu persuni li nzertaw għaddejjin miż-żona u li ppruvaw ituhom l-ewwel għajnuna.

Ritratti: Giornale di Sicilia/Sicilia Fan