Lokali Qorti

Il-kaptan tal-Lifeline jingħata rikonoxximent mill-Partit Soċjalista Ġermaniż

Il-Maġistrat laqa’ talba tad-difiża biex l-akkużat ikun jista’ jerġa’ jżur lil ommu fil-Ġermanja

Il-Kaptan tal-bastiment MV Lifeline Claus Peter Reisch se jkun jista’ jerġa’ jmur lura l-Ġermanja wara li ingħata permess ieħor mill-Qorti Maltija.

Il-kaptan għadu kif ġie lura mill-Ġermanja fejn żar lil ommu li għandha 92 sena. Dalgħodu, hu reġa’ deher quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud hekk kif qed jaffaċċja akkużi kriminali talli saq vapur mhux irreġistrat fl-ibħra territorjali Maltin.

Fl-awla, il-Kaptan Reisch ippreżenta rikonoxximent li ngħata mill-Partit Soċjalista u Demokratiku Ġermaniż fil-Parlament tal-Bavarja nhar il-Ġimgħa li għadda. Ir-rikonoxximent ingħata għas-sehem tiegħu biex ġew salvati madwar 240 immigrant fl-ibħra ‘il barra mil-Libja f’Ġunju li għadda.

Il-Qorti awtorizzat li l-bastiment jimtela bil-fuel biex tkun tista’ titħadem l-arja kundizzjonata, kif ukoll biex issir manutenzjoni u biex jinbidlu l-fire extinguishers li skadew.

Il-każ ikompli fit-23 t’Awwissu li ġej.