Internazzjonali

In-nirien tal-Greċja ħallew 91 vittma

25 għadhom rappurtati nieqsa

Wara 6 ijiem mid-diżastru li ħallew warajhom in-nirien fil-Greċja ġie konfermat li huma 91 il-vittmi li mietu madwar il-pajjiż, biz-zoni l-aktar milquta ikunu villaġġi turistiċi ‘l barra minn Ateni.

Skont id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċvili fil-Greċja, għad hemm numru ta’ persuni rappurtati nieqsa.

Fl-aħħar jiem komplew joħorġu l-istejjer xokkanti ta’ nies li irrakkuntaw kif raw ħbieb tagħhom imutu, inkluż qraba ta’ turisti li provaw jaħarbu n-nirien b’kull mezz. Uħud saħansitra mietu mgħarrqa wara li qabżu l-baħar biex jevitaw il-qilla tal-infern li ħakem zoni bħal Mati, Rafina, u Neos Voutzas.

In-nirien qerdu mal-1,000 dar u 300 vettura.

L-awtoritajiet Griegi qed jikkunsidraw din it-traġedja nazzjonali bħala att irresponsabbli ta’ persuni li qabbdu n-nar apposta.