Ambjent Lokali

It-torri ta’ Townsqaure se jonqos b’37 metru

Preżentati pjanti ġodda lill-Awtorita' tal-Ippjanar

L-iżviluppaturi tal-proġett Townsquare f’Tas-Sliema ppreżentaw pjani ġodda għal dan l-iżvilupp, bil-għan li jitnaqqas drastikament l-impatt viżiv tal-bini fuq iz-zona tal-madwar.

Fi stqarrija mill-iżviluppaturi nfushom jingħad li issa, l-għoli tat-torri se jkun qed jonqos b’37 metru jew 11-il sular.

Il-pjani ġodda jsegwu deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar li kienet iddeċidiet li l-iżviluppaturi għandom jagħmlu bdil għall-proġett li kien approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar fl-2016.

It-tnaqqis fl-ammont ta’ sulari mhux se jaffettwa l-ammont ta’ spazju miftuħ kif propost oriġinarjament, jiġifieri madwar 7,500 metru kwadru minn total ta’ 12,000 metru kwadru tal-proġett. Dan jagħmel iż-żona l-ikbar waħda pedonali fiċ-ċentru ta’ Tas-Sliema.

Sar ukoll tibdil fiż-żona pedonali li issa se twassal għal moviment aħjar ta’ dawk li jagħmlu użu minnha, iktar ħdura kif ukoll ġardina fuq wara li lkoll huma miftuħa għall-pubbliku.

Il-proġett jinvolvi l-iżvilupp ta’ 159 appartament, ħwienet u ċentru kummerċjali, ristoranti u cafes kif ukoll parkeġġ taħt l-art u r-restawr ta’ Villa Drago.