Internazzjonali

Jivvutaw fl-ewwel elezzjoni mindu tneħħa Mugabe

Il-poplu taż-Żimbabwe, ivvota fl-ewwel elezzjoni mindu Robert Mugabe tneħħa minn President.
L-elezzjoni qed issir fi żmien sinifikanti fost it-tamiet tal-poplu li ż-Żimbabwe, ‘il quddiem, titlef l-istatus ta’ ‘pajjiż iżolat’ minbarra li tirkupra f’termini ekonomiċi.

F’din l-elezzjoni, il-President Emmerson Mnangagwa, li għandu 75 sena u li ilu żmien alleat ta’ Mugabe, qed jikkonfronta lil Nelson Chamisa, avukat ta’ 40 sena li qed jittama li jsir l-iżgħar Kap ta’ Stat li qatt kellha ż-Żimbabwe.

F’lejliet l-elezzjoni, Robert Mugabe feġġ fil-pubbliku għall-ewwel darba fi tmien xhur ( u wara li l-militar kienu neħħewh mill-poter f’kolp ta’ stat li seħħ mingħajr tixrid ta’ demm) biex iħabbar li hu kien se jivvota għall-Oppożizzjoni.

L-istħarriġ ta’ opinjoni pubblika kien qed jindika vantaġġ minimu għal Mnangagwa (li assuma r-rwol ta’ President wara li kien tneħħa Mugabe) fuq Chamisa.

Emmerson Mnangagwa, tal-Partit ZANU-PF, qed iwiegħed li jistimola l-ekonomija moribonda taż-Żimbabwe filwaqt li jattira l-investiment minn barra. Wiegħda elettorali oħra ta’ Mnangagwa tinvolvi l-impenn għat-tnaqqis tad-diżgwid fost it-tribujiet taż-Żimbabwe.
Min-naħa tiegħu, Chamisa deher li kien qed jattira lill-votanti żgħażagħ u mingħajr xogħol li huma frustrati bi kważi 40 sena ta’ Gvern immexxi miż-ZANU-PF.