Internazzjonali

L-ebda dawl fuq il-misteru tal-għajbien tal-MH370

Il-familji tal-passiġġieri li kienu fuq l-ajruplan tal-Malaysia Airlines li għeb, fit-8 ta’ Marzu tal-2014, waqt titjira lejn iċ-Ċina minn Kuala Lumpur, qalu li r-rapport uffiċjali dwar l-investigazzjoni li ngħatalhom ma żvela xejn ġdid dwar iċ-ċirkustanzi misterjużi relatati għal Titjira MH370.
Ir-rapport kien ippubblikat xahrejn wara li l-Malasja waqqfet it-tfittxija għall-ajruplan li kienet qed tkun iffinanzjata minn entità privata. It-tfittxija kienet qed tikkonċentra fuq zona ta’ oċean speċifika bit-tama li jinstabu l-239 persuna li kienu fuq l-ajruplan inkwistjoni li sar is-suġġett ta’ wieħed mill-akbar misteri fl-istorja tal-avjazzjoni.
Fid-29 ta’ Mejju li għadda, il-Malasja ordnat it-tmiem tat-tfittxija għall-ajruplan mill-kumpanija Amerikana Ocean Infinity li kienet ilha għaddejja għal tliet xhur u li kopriet zona ta’ 112,000 kilometri kwadri fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan. Din it-tfittxija ma żvelat qatt xi riżultati sinifikanti marbuta mal-għajbien tal-MH370.