Is-sewwieq tar-Red Bull Max Verstappen esprima d-diżappunt tiegħu wara li għal tiġrija oħra kellu jirtira mit-tiġrija. Hu qal li matul l-istaġun pruvaw jibqgħu pożittivi u kalmi iżda l-fatt li mhux qed ikunu affidabbli hi ħażina.
“Onestament hu mument li diffiċli taċċetta u kont irrabjat ħafna fuq ir-radju,” qal Verstappen. L-Olandiż żied li l-frustrazzjoni kibret meta ra lil sieħbu Daniel Ricciardo jitla’ sar-raba’ post wara li fl-ewwel dawra niżel fis-16-il post.
“Kont madwar 25 sekonda qabel Ricciardo minħabba l-pożizzjoni li bdejt fiha u ħassejtni sodisfaċenti bil-karozza. Dejjem hu diffiċli li nitkellem wara, finalment dak li seta’ kien faċilment il-ħames post kiek ma ġara xejn, għalhekk għal darba oħra punti prezzjużi li ntremew.”
Verstappen kompla li jrid jara x’se jagħmlu fil-Belġju, fejn qal li għadu ma jafx jekk it-tim hux se jkollu xi penalitajiet minħabba tibdil li jista’ jsir fil-magna.
Il-kampjonat issa jieqaf għal erba’ ġimgħat, b’Verstappen jistqarr li mhux qed iħares b’ottimiżmu għall-brejk tas-sajf. “Niddejjaq meta n-nies jgħidu li hi sfortuna, gawdi l-vaganzi issa. Żgur li l-ewwel ġimgħa mhux se nieħu pjaċir minħabba l-aħħar tiġrija. Ma nħossnix li jien f’burdata tal-vaganzi.”
Din kienet ir-raba’ tiġrija minn total ta’ 12 li Verstappen kellu jirtira, u b’konsegwenza ta’ dan jinsab fis-sitt post fil-klassifika tas-sewwieqa b’105 punti.
//= $special ?>