Rapport: Kenneth Vella
Il-Ħadd filgħaxija fil-korsa tal-Marsa niżel is-siparju fuq is-sensiela ta’ kampjonati sajfin. Dan meta saru seba’ finali fuq distanza twila ta’ 2640m u li ġabu fi tmiemha wkoll l-ewwel parti tal-istaġun 2018.
L-aktar finali mistennija kienet dik tal-klassi Premier u li ntrebħet mill-Franċiż Ut De Dompierre misjuq minn Michael Ellul. Din kienet tagħmel parti mid-39 laqgħa tal-istaġun.
Tnax-il żiemel ħadu sehem fil-finali ewlenija. Ut De Dompierre kien l-aktar żiemel veloċi wara l-karozza tat-tluq u fl-ewwel metri fetaħ vantaġġ żgħir minn Truscott Du Guepre (Jesmar Gafà) u Lajos Cella (Paul Galea).
Dawra mit-tmiem, iż-żiemel ta’ Ellul kien għadu għaddej b’ċertu saħħa u rnexxielu jibqa’ jżomm il-kmand sat-tmiem biex ħa t-tieni rebħa konsekuttiva u l-ħames waħda f’pajjiżna mill-favorit Okay Dei Ronchi (Rodney Gatt), Lajos Cella u Truscott Du Guepre.
Fi tmiem il-finali, Colin Purkins, f’isem il-konsorzju Marsa Race Track Limited, ippremja lil Michael Ellul u Stephen Ciangura, is-sewwieq u s-sid rispettivament taż-żiemel rebbieħ, li kellu medja ta’ 1.14.3” fil-kilometru.
Il-finali tal-klassi Gold kienet ikkaratterizzata minn taqtigħa bejn erba’ żwiemel fid-dritta finali tagħha. Kienet l-Iżvediża Navaj Brodda (Charles Camilleri) li ħadet it-tielet rebħa konsekuttiva minn Damu Cherry (Julian Farrugia), Vif Ludois (Charles Debono) u Hallas Judex (Charles Magro).
Il-favorit u kwotat Nobile Edel (Mario Fenech) li kien għal ħafna metri quddiem matul il-finali Silver A, ma seta’ jagħmel xejn fid-dritta finali quddiem il-qawwa tad-Daniż Wellington (Nathaniel Barbara) li ħa r-raba’ rebħa tas-sena u t-tielet waħda konsekuttiva. Vamos Jet (Noel Baldacchino) u Sharif America (Matthew Sammut) daħlu warajhom f’dik l-ordni.
Fil-finali tal-klassi Silver B, Vaillant Marceaux (Rodney Gatt) ħa t-tieni rebħa konsekuttiva u t-tielet f’Malta wara avvanz fuq in-naħa ta’ barra matul l-aħħar 300m. Iż-żiemel ta’ Gatt ħa t-tieni rebħa infila u t-tielet fi xtutna b’tul u nofs minn Boko Won (Sam Cassar), Pretty Cowboyland (Julian Farrugia) u Dollydoo Laday (Noel Baldacchino).
Kif kien mistenni, Cesar Du Buillon (Rodney Gatt) ma falliex milli jakkwista s-sitt rebħa konsekuttiva u t-tmien waħda f’Malta fil-finali Bronze A. Dan ma kellu ebda diffikultà jikkontrolla fl-aħħar metri l-avvanz ta’ Dehande (Paul Galea) u Faro Sue Heikant (Julian Farrugia). Ibiri (Mario Falzon) kellu wkoll pjazzament tajjeb.
Fil-finali Bronze B, attakk mibdi f’nofs id-dritta finali wassal lill-Franċiż Concerto Cehere (Charles Camilleri) biex jieħu t-tieni rebħa minn daqstant dehriet f’Malta u quddiem Tiger Breed (David Ellul), Roc Magister (Kirsten Axisa) u Uphito De Cahot (Anthony Bartolo).
L-ewwel tiġrija kienet finali tal-klassi Copper. Cherie De Noyelles (Cliferty Calleja) bdiet iżżid fil-ġiri 700m mil-linja finali biex marret quddiem f’nofs id-dritta finali. Din ħadet it-tieni suċċess tas-sena minn Cirella De Kacy (Rodney Gatt), Nilema (Noel Baldacchino) u Oleggio (Brian Camilleri).
L-istaġun 2018 issa jitkompla f’nofs Settembru li ġej.
Ir-riżultati kollha
I Tiġrija Finali Klassi Copper. Dist – 2640m. 1. Cherie De Noyelles (C. Calleja) Ħin – 3.22.3” (1.16.6”) 2. Cirella De Kacy (R. Gatt) 3. Nilema (N. Baldacchino) 4. Oleggio (B. Camilleri)
II Tiġrija Finali Klassi Bronze B. Dist – 2640m. 1. Concerto Cehere (C. Camilleri) Ħin – 3.25.9” (1.18”) 2. Tiger Breed (D. Ellul) 3. Roc Magister (K. Axisa) 4. Uphito De Cahot (A. Bartolo)
III Tiġrija Finali. Klassi Bronze A. Dist – 2640m. 1. Cesar Du Buillon (R. Gatt) Ħin – 3.21.3” (1.16.2”) 2. Dehande (P. Galea) 3. Faro Sue Heikant (J. Farrugia) 4. Ibiri (M. Falzon)
IV Tiġrija Finali Klassi Klassi Silver B. Dist – 2640m. 1. Vaillant Marceaux (R. Gatt) Ħin – 3.21.8” (1.16.4”) 2. Boko Won (S. Cassar) 3. Pretty Cowboyland (J. Farrugia) 4. Dollydoo Laday (N. Baldacchino)
V Tiġrija Finali Klassi Silver A. Dist – 2640m. 1. Wellington (N. Barbara) Ħin – 3.24.1” (1.17.3”) 2. Nobile Edel (M. Fenech) 3. Vamos Jet (N. Baldacchino) 4. Sjarif America (M. Sammut)
VI Tiġrija Finali Klassi Gold. Dist – 2640m. 1. Navaj Brodda (C. Camilleri) Ħin – 3.18” (1.15”) 2. Damu Cherry (J. Farrugia) 3. Vif Ludois (Ch. Debono) 4. Hallas Judex (Ch. Magro)
VII Tiġrija Finali Klassi Premier. Dist – 2640m. 1. Ut De Dompierre (M. Ellul) Ħin – 3.16” (1.14.3”) 2. Okay Dei Ronchi (R. Gatt) 3. Lajos Cella (P. Galea) 4. Truscott Du Guepre (J. Gafà)
//= $special ?>