Ambjent Lokali

Żagħżugħ isalva fekruna tal-ilma baħar

L-ewwel każ tax-xorta tiegħu din is-sena

F’wieħed mill-isbaħ atti li rajna matul dan is-sajf, żagħżugħ salva fekruna tal-ilma baħar bit-tama li din tingħata kull għajnuna possibbli.

Leander Mizzi, żagħżugħ mill-Fgura tella’ post fuq Facebook, bir-ritratti juru x-xlief li weħel mal-fekruna. Ix-xlief kien imwaħħal ġo ħalqha u baqa’ ħiereġ mill-parti ta’ wara tagħha.

Hu sostna li din kienet l-ewwel fekruna tal-ilma baħar li ġiet salvata din is-sena.

Nature Trust Malta ġew imsejħa fil-post biex jieħdu l-fekruna u jgħatuha l-għajnuna kollha meħtieġa biex fl-aħħar mill-aħħar terġa’ tinħeles lura fil-baħar. Hi ttieħdet minnufih għand veterinarju.

Leander Mizzi ta’ spiss jgħaddi messaġġi fuq l-paġna ta’ Facebook tiegħu biex wieħed jieħu ħsieb il-baħar.

”Our Sea, Our Responsibility, this is my bag of trash collected from the beach because I care.”
– Leander Mizzi (4 ta’ Lulju 2018)

Dan seħħ wara li fit-12 ta’ Lulju 2018 kienu nħelsu żewġt ifkieren tal-ilma baħar fil-Ġnejna wara li kienu salvati u ngħataw il-kura meħtieġa minn Nature Trust Malta għal xhur sħaħ.

F’nofs Awwissu, propju viċin il-festa ta’ Santa Marija, mistennija li jbejtu numru ta’ bajd li kienet telgħet biex tbid fekruna tal-ilma baħar fil-Ġnejna.