Futbol Sport

Barranin b’interessi qrib Manchester City interessati f’Valletta FC

(Ritratt – Matthew Tabone)
"Huma nies viċin ħafna ta’ dawk li jmexxu lil Manchester City" - Alexander Fenech (Kap Eżekuttiv ta' Valletta FC)

Wieħed mill-Viċi Presidenti ta’ Valletta Alexander Fenech żvela għall-ewwel darba fil-media lokali l-aħħar żviluppi fl-amministrazzjoni ta’ Valletta. F’kumment telefoniku waqt il-programm radjofoniku Replay Ikompli fuq Net FM, Fenech qal li ġew avviċinati minn grupp ta’ nies li hu ddeskriva bħala “konsorzju b’esperjenza kbira fil-futbol li jixtiequ jinvolvu ruħhom fil-klabb tal-Belt.”

Hu qal li x-xewqa tagħhom bħala kumitat hu li jkabbru l-klabb u l-ġimgħa l-oħra marru quddiem il-membri fejn fittxew li jkollhom l-approvazzjoni biex ikomplu jitkellmu ma’ dan il-konsorzju ta’ persuni Għarab.

Il-kumitat ta’ Valletta għandu ‘Memorandum of Understanding’ ma’ dan il-grupp li “huma nies viċin ħafna ta’ dawk li jmexxu lil Manchester City għaliex dawn huma kollha kuġini u nies li jiġu minn xulxin. Fenech żied li dawn għandhom ukoll klabbs f’pajjiżi oħra.

Mistoqsi x’inhu l-interess ta’ dawn in-nies, Fenech li wkoll hu l-Kap Eżekuttiv tal-klabb, qal li dan il-grupp se jiftaħ xi sede f’Malta mill-aspett kummerċjali b’rabta man-negozju taż-żejt.

L-għan tagħhom hu li jgħollu l-profil tal-klabb u Valletta javvanzaw fl-Ewropa fejn li semma li jixtiequ li bejn tlieta u ħames snin oħra jaslu sal-fażi tal-gruppi taċ-Champions League jew Europa League. “Hemm qed jaraw il-potenzjal ta’ investiment. Għandhom il-passjoni tal-futbol u mhux qed ifittxu profitt.

Alexander Fenech afferma li qed jitkellmu magħhom iżda qal li finalment se jkunu l-membri li se jiddeċiedu. “Se naqraw linja linja tal-ftehim u naraw jekk nistgħux nipproċedu.”

Fenech saħaq li l-interess tiegħu hu li l-klabb Belti mhux talli jkun preservat iżda jista’ jespandi. Hu jrid li jekk ma jkunx involut hu, il-klabb ta’ Valletta jkun jista’ javvanza u kompla li jaf kemm jiġu nies minn barra minn Malta u jwiegħdu affarijiet iżda tenna li dan żgur mhux se jiġri taħt il-ħarsien tiegħu.

Il-Viċi President Belti qal li bħala klabb ma jridux iħarsu biss lejn is-suċċessi miksuba iżda jridu jaħsbu għal futur tal-klabb għaliex jixtiequ jħallu l-klabb aħjar milli sabuh.

Hu qal li bħala klabb ma tantx għandu assi li jistgħu jikkumerċjalizzaw u wissa li fil-futur se jkunu qed jikkompetu ma’ klabbs li se jkollhom baġit akbar minn tagħhom.

Jekk dan il-ftehim iseħħ, Fenech qal li huma se jżomm persentaġġ mill-klabb u se jgħaddi għal fondazzjoni li se tkun proprjetà tal-membri, fejn qal li l-membri jkollhom rappreżentant li jkun direttur fil-bord tad-diretturi. Hu kompla li jekk jaslu sal-aħħar, fil-ftehim se jkun hemm li jekk jinkiser xi ħaġa mill-ftehim, il-klabb jerġa’ jgħaddi kompletament kif kien qabel.

Hu saħaq li m’hemmx data sakemm dan il-ftehim għandu jkun magħluq iżda jridu li jagħmlu x-xogħol tagħhom neċessarju fuq dawn in-nies biex jaċċertaw ruħhom. Fenech irid li jkun hemm ftehim solidu li jirrispetta x-xewqat tagħhom u tal-membri tal-klabb.

Il-konfront kontra Zrinjski

Fenech qal li huma kienu diżappuntati li kienu eliminati kontra Kukesi għaliex jemmen li kienu l-aħjar tim tul il-180 minuta. Hu kompla li Zrinjski huma ferm aqwa minn Kukesi, iżda qal li t-tim qam għall-okkażjoni biex inkiseb riżultat pożittiv.

Id-differenza tal-faċilitajiet

Alexander Fenech tkellem dwar id-differenza fil-faċilitajiet li Valletta u Zrinjski għandhom fejn qal li f’Malta huma ma setgħux jilagħbu fl-Istadium Nazzjonali minħabba li “l-assoċjazzjoni kellha xi problema biex tmantni l-ħaxix fi stat diċenti,” u qed jilagħbu fis-6.00pm fis-Centenary Stadium minħabba li d-dawl ma kienx approvat mill-UEFA.

Hu żied li fil-futbol pajjiżna għadna relattivament lura u jidħaq meta jgħid li Malta titqabbel mal-Iżlanda. “Ma għandniex għażla li naħdmu fil-limitazzjonijiet.”

Is-sitwazzjonijiet tal-grawnd

Il-Viċi President ta’ Valletta għamel referenza wkoll għas-sitwazzjoni tal-grawnd fejn qal li suppost jinsabu viċin li tingħata l-art, xi ħaġa li ilha tingħad għal tul ta’ żmien.

Hu kompla li l-art li għandha tingħata għandha bżonn ħafna xogħol qabel ma jibda jsir il-bini u qal li l-awtoritajiet irrikonoxxew li hemm bżonn it-tindif u r-rijabilitazzjoni.

Trasferimenti

Dwar is-suq tat-trasferimenti, Alexander Fenech qal li waħda mir-raġunijiet tar-riżultati miksuba fl-Ewropa kienet l-istabbiltà li baqgħet fit-tim iżda qal li l-iskwadra hi iqsar minn tas-sena l-oħra u minkejja li bħalissa jinsabu kuntenti, jafu li l-iskwadra trid titwal.