Lokali

Hugo Chetcuti: Dak kollu li ġara fil-Qorti llum fil-każ kontra Bojan Cmelik

Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ddikjarat li hemm biżżejjed provi biex Bojan Cmelik, l-imputat fil-każ tal-qtil tal-imprenditur Hugo Chetcuti, jitpoġġa formalment taħt att ta’ akkuża.

Id-deċiżjoni tal-Maġistrat ingħatat fi tmiem it-tieni seduta li fiha kompliet tinġabar aktar evidenza dwar dan il-każ minn ammont sostanzjali ta’ xhieda involuti.

Fost sigurtà stretta, Bojan Cmelik reġa’ ttieħed il-Qorti wara li kien arrestat fis-6 ta’ Lulju li għadda – ftit mumenti wara li l-aggressjoni b’daqqiet ta’ sikkina li jiem wara qatlu lil Hugo Chetcuti.

Ritratt: Martin Agius

Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia kompliet tinġabar aktar evidenza – fosthom mill-espert tal-Qorti Martin Bajada li kien tqabbad jeleva l-filmat minn kameras tas-sigurtà li hemm fiż-żona f’Paceville fejn seħħ il-każ.

Filmat partikolari juri l-mument preċiż meta l-imputat avviċina lil Hugo Chetcuti u tah daqqiet ta’ sikkina. Fil-filmat tidher persuna liebsa kappell kbir tavviċina lil Hugo Chetcuti qabel din il-persuna tgħannaq lill-imprenditur ttih daqqiet b’sikkina li fil-filmat tidher tleqq kontra r-riflessi tad-dawl.

L-aggressur jidher minnufih jaħrab jiġri minn taraġ li hemm viċin b’numru ta’ persuni jitilqu jiġru wara l-aggressur hekk kif indunaw x’kien għadu kif seħħ. Hugo Chetcuti jidher ukoll jaqa’ mal-art għal xi ħin qabel jerġa’ jqum minn jeddu u jitla’ xi tarġiet.

L-imprenditur Hugo Chetcuti

Apparti li ġie preżentat fil-Qorti, matul il-ġurnata l-filmat beda jiċċirkola wkoll fuq il-media soċjali – partikolarment fuq WhatsApp, tant li waqt is-seduta, kellhom ikunu l-Ispettur Nicolai Sant mill-Prosekuzzjoni u l-Avukat Ishmahel Psaila, l-Avukat Difensur tal-imputat Bojan Cmelik, li ġibdu l-attenzjoni tal-Qorti li l-filmat kien ġie ppubblikat fil-media.

Dan wassal biex il-Qorti ordnat li l-filmat jitneħħa mill-media u ma jibqax jixxandar. Il-Maġistrat innutat li hu llegali li jiġu ppubblikati r-rekords tal-proċeduri flimkien mal-eżebiti tal-każ mix-xhieda.

Wieħed mill-esperti forensiċi li xehdu qal li fuq il-pocket fejn l-imputat ġarr is-sikkina, ma nstabux marki tas-swaba.

Ritratt: Martin Agius

Xehdet ukoll Marisa Cassar li għamlet analiżi ta’ kampjuni tad-DNA miġbura minn diversi bnadi – fosthom minn fuq is-sikkina u l-ħwejjeġ. Irriżulta, mix-xhieda li ngħatat, li fuq is-sikkina nstabet traċċa ta’ DNA li la hija tal-vittma u lanqas tal-akkużat – iżda ta’ terza persuna.

Xehed ukoll l-espert forensiku Mario Scerri li kkonferma li t-tul tas-sikkina li ntużat kien ta’ kważi 16-il ċentimetru u li l-ġrieħi fuq il-ġisem tal-vittma huma kompatibbli mas-sikkina li nstabet fuq l-imputat meta ġie arrestat f’Tas-Sliema.

Fi tmiem is-seduta u wara li nstemgħu aktar xhud – fosthom uffiċjali li eżaminaw lill-imputat dakinhar tal-arrest, il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia rtirat fis-sigrieta qabel reġgħet ħarġet fl-Awla fejn talbet lill-imputat iqum bilwieqfa qabel ma ddikkjarat li hemm biżżejjed provi biex dan jitpoġġa formalment taħt att ta’ akkuża.

L-atti tal-każ issa jgħaddu għand l-Avukat Ġenerali li jkollu żmien stipulat biex matulu joħroġ l-att ta’ akkuża. Wara l-kumpilazzjoni tal-evidenza quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, il-każ imur quddiem il-Qorti Kriminali fejn ikun jista’ jgħaddi ġuri. Sadanittant, tkompli tinġabar aktar evidenza fil-proċess tal-kumpilazzjoni – bis-seduta li jmiss tiġi skedata għall-10 ta’ Settembru li ġej.

Artikli oħra ta’ relevanza

Biżżejjed provi biex Bojan Cmelik jitpoġġa formalment taħt att ta’ akkuża

Żvelat il-filmat tal-qtil ta’ Hugo Chetcuti

Il-Qorti tordna li l-filmat tal-qtil ta’ Hugo Chetcuti ma jixxandarx fil-media

X’ġara fl-ewwel seduta li fiha bdiet tinġabar l-evidenza

AĠĠORNATA: “Għalfejn għamilli hekk?” – ħu Hugo fil-Qorti