Futbol Sport

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA japprova żewġ skemi ta’ għajnuna lill-klabbs

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA approva ż-żewġ skemi li tħabbru waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret fil-21 ta’ Lulju. L-Assoċjazzjoni Maltija allokat baġit annwali ta’ €473,500 għal dawn l-iskemi li huma l-Fond tal-Iżvilupp tal-Plejers Żgħażagħ u l-Fond Garantit tal-Gate Money.

Minn dan l-istaġun, il-klabbs tal-erba’ diviżjonijiet se jirċievu pagament ta’ kull plejer taħt il-21 sena li hu disponibbli li jilgħab mat-timijiet nazzjonali u jilgħab minimu ta’ 30 minuta waqt logħba kompetittiva.

Dawn l-inċentivi huma primarjament immirati biex jinkoraġġixxu klabbs li jinkludu aktar plejers żgħażagħ li jistgħu jilagħbu mat-timijiet nazzjonali, fil-proċess li jiżdied it-talent żagħżugħ. Għal din l-iskema l-MFA allokat €210,000.

L-iskema tad-dħul garantit se tara l-klabbs jibbenefikaw minn ammont fiss ta’ dħul mill-biljetti tal-logħob kull staġun, irrelevanti mill-figuri tal-attendenzi għal-logħbiet. L-ispiża stamata għal dan il-programm ta’ assistenza li jsegwi diskussjonijiet ma’ dawk involuti hu ta’ €263,500.

Jekk wieħed jinkludi wkoll l-iskemi tal-faċilitajiet u dik tal-amministraturi tal-klabbs, l-MFA se tkun qed tonfoq €760,000 għal dawn l-inċentivi.

Intant, l-istess Kumitat Eżekuttiv ippropona li r-raba’ sostituzzjoni tiġi adottata lokalment wara l-aħħar bidliet fir-regoli tal-logħba.

Taħt din il-proposta, minn dan l-istaġun it-timijiet lokali jkun jistgħu jagħmlu sostituzzjoni oħra jekk logħbiet tan-knock-out jew deciders ikomplu fil-ħin barrani. Il-FIFA għamlet użu minn din ir-regola aktar kmieni din is-sena u saħansitra ntużat waqt it-Tazza tad-Dinja.