Lokali

Il-Qorti tordna li l-filmat tal-qtil ta’ Hugo Chetcuti ma jixxandarx fil-media

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, ordnat li l-filmat li juri l-mument tal-aggressjoni b’sikkina fuq l-imprenditur Hugo Chetcuti ma jixxandarx.

Dan wara li l-filmat beda jiċċirkola fuq il-media soċjali, partikolarment fuq WhatsApp. Wara ftit, il-filmat sab ruħu fuq websites tal-aħbarijiet lokali qabel tneħħa aktar tard.

Fil-Qorti, il-Maġistrat innutat li hu llegali li jiġu ppubblikati r-rekords tal-proċeduri flimkien mal-eżebiti tal-każ mix-xhieda – fosthom il-filmat li aktar kmieni ġie preżentat fil-Qorti stess minn Dr. Martin Bajada – l-espert li tqabbad biex jeleva l-filmati mill-kameras tas-sigurtà.

NET News laħaq ra l-filmat qabel ingħatat l-ordni mill-Qorti biex dan ma jkunx ippubblikat fil-media. Fil-filmat tidher persuna liebsa kappell kbir tavviċina lil Hugo Chetcuti qabel din il-persuna tgħannaq lill-imprenditur ttih daqqiet b’sikkina li fil-filmat tidher tleqq kontra r-riflessi tad-dawl.

L-aggressur jidher minnufih jaħrab jiġri minn taraġ li hemm viċin b’numru ta’ persuni jitilqu jiġru wara l-aggressur hekk kif indunaw x’kien għadu kif seħħ. Hugo Chetcuti jidher ukoll jaqa’ mal-art għal xi ħin qabel jerġa’ jqum minn jeddu u jitla’ xi tarġiet.

Fil-Qorti kien l-Ispettur Nicolai Sant u l-Avukat Ishmahel Psaila, l-Avukat Difensur tal-imputat Bojan Cmelik, li ġibdu l-attenzjoni tal-Qorti li l-filmat kien ġie ppubblikat fil-media.