Internazzjonali

It-Tajlandja titlob l-estradizzjoni tal-eks Prim Ministru Yingluck Shinawatra

It-Tajlandja talbet lir-Renju Unit biex testradixxi lill-eks Prim Ministru (tat-Tajlandja) Yingluck Shinawatra, li fl-2014 kienet twarrbet mill-poter waqt kolp ta’ stat filwaqt li ngħatat sentenza ta’ ħabs ‘għal negliġenza’ fl-assenza tagħha.

Yingluck kienet ħarbet mill-pajjiż f’Awwissu li għadda biex tevita l-ħabs. Dan wara li hi spiċċat ikkundannata dwar skema għas-sussidju tar-ross li rreġistrat telf ekwivalenti għal biljuni ta’ dollari. Hi dejjem insistiet li kienet innoċenti u li l-proċess kontra tagħha kien motivat minn ‘aġenda politika’.

Il-Qorti Suprema fit-Tajlandja kienet ikkundannat lil Yingluck għal ħames snin ħabs f’Settembru li għadda, u l-Prim Ministru Tajlandiż attwali, Prayuth Chan-ocha, qal li t-talba għall-estradizzjoni tal-eks Prim Ministru hi proċedura neċessarja bejn pajjiżu u r-Renju Unit li huma marbutin bi trattat speċifiku.

Yingluck u ħuha, Thaksin Shinawatra, li wkoll kien tkeċċa mir-rwol ta’ Prim Ministru, ilhom aktar minn għaxar snin fiċ-ċentru ta’ taqbida għall-poter fit-Tajlandja.