It-terrorista li wettaq attakk suwiċida waqt kunċert f’Manchester is-sena li għaddiet, kien ġie salvat mil-Libja fl-2014 u nġieb Malta. Hekk qed tirrapporta l-media Ingliża, fi stejjer separati li ddominaw il-ġurnali kollha dalgħodu.
Kien f’Awwissu tal-2014 meta l-HMS Enterprise marret il-Libja biex tevakwa numru ta’ ċittadini Ingliżi u staff diplomatiku. Dan hekk kif is-sitwazzjoni fil-pajjiż kienet qed tiddeterjora.
Il-bastiment tar-Royal Navy kien salva wkoll 217 ċittadin li ġew trasportati lejn Malta. Fosthom, kien hemm it-terrorista Salman Abedi. Dak iż-żmien kellu 19-il sena.
Ħuh iż-żgħir, Hashem Abedi, jinsab f’ħabs fil-Libja miżmum minn grupp militanti. Il-Gvern Ingliż irid li hu jgħaddi ġuri minħabba dan l-istess attakk li sar fuq il-kunċert ta’ Ariana Grande. Hashem kien ukoll fost dawk salvati mill-istess bastiment Ingliż 4 snin ilu.
Fl-attakk li seħħ fuq il-kunċert ta’ Ariana Grande f’Manchester kienu mietu 22 persuna. Fost il-vittmi kien hemm 7 itfal.
L-esperti jgħidu li t-terroristi kienu użaw ġakketta mimlija splussiv magħmula minnhom stess.
//= $special ?>