Ambjent Lokali

Jekk japprova staġun tal-insib, il-Gvern ikun qed jgħaddi lin-nassaba biż-żmien

Jirriskja li l-UE tiftaħ kawża oħra kontrih

Jekk il-Gvern japprova l-ftuħ ta’ staġun tal-insib għall-Pluviera u l-Malvizz, ikun qed jgħaddi lin-nassaba biż-żmien u jirriskja li l-Unjoni Ewropea (UE) tiftaħ kawża oħra kontra Malta. Hekk intqal fi stqarrija maħruġa minn BirdLife Malta.

Bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis biex jinfetaħ staġun tal-insib għall-Pluvieri u l-Imlievez, BirdLife Malta llum qed tirreaġixxi uffiċjalment għal dak li ħareġ mil-laqgħa ta’ dan il-Kumitat li saret il-ġimgħa l-oħra, u li ssegwi l-verdett storiku mogħti x-xahar li għadda mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) li qatgħetha li Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont il-liġijiet tal-UE meta
ppermettiet l-insib għall-għasafar tal-għana.

BirdLife Malta, li hija rappreżentata fuq il-Kumitat Ornis, kienet l-unika organizzazzjoni li vvutat kontra d-deroga li tippermetti l-insib.

Tul il-laqgħa, li saret l-Erbgħa 25 ta’ Lulju, BirdLife Malta fakkret lill-membri l-oħra tal-Ornis li ssentenza tal-Qorti Ewropea fuq l-insib għall-għasafar tal-għana għandha implikazzjonijiet diretti fuq l-insib għal kull speċi oħra, speċjalment meta l-istess deroga li qed tiġi diskussa (dik tal-Pluviera u l-Malvizz) diġà hija soġġetta għal proċeduri ta’ ksur.

Tul il-laqgħa, il-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) aġġornat ukoll lill-Kumitat Ornis dwar l-opinjoni mogħtija mill-Avukat Ġenerali li identifika numru ta’ riskji li jġib miegħu l-ftuħ ta’ staġun tal-insib din is-sena wara l-verdett tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Fost dawn ir-riskji li ġew identifikati hemm il-konklużjoni tal-Qorti Ewropea li l-użu ta’ xbieki (clap-nets) mhux metodu selettiv ta’ qbid għal żewġ raġunijiet: (i) li f’dawn ix-xbieki jistgħu jinqabdu għasafar oħrajn, u (ii) li dawn ixxbieki jistgħu jaqbdu aktar għasafar milli huwa permess mill-kwoti stabbiliti.

F’dan ir-rigward, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) irrakkomandat li għall-qbid tal-Pluviera u l-Malvizz jintużaw xbieki b’ħoloq akbar.

Dwar dan, BirdLife Malta għamlitha ċara li hemm riskju li t-tkabbir tal-ħoloq taxxbieki biex jiġi evitat il-qbid ta’ għasafar iżgħar xorta ma jeliminax il-metodoloġija mhux selettiva, għax jistgħu jinqabdu għasafar protetti oħra tal-istess daqs jew ikbar mill-Pluvieri u l-Imlievez.

BirdLife qalet li d-deċiżjoni finali issa tinsab unikament f’idejn il-Ministru tal-Ambjent u l-Prim Ministru.