Inċident mill-aktar serju ta’ vjolenza domestika fejn raġel ta’ nazzjonalità Ingliża saħansitra kien spara u kkawża ħsarat f’dar, spiċċa biex issa hu arkivjat għall-fatt li l-vittma irtirat ir-rapport li kienet għamlet u l-Qorti sabet lill-agressur ħati biss ta’ pussess ta’ arma bla liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Protagonist f’din l-istorja hu Sean Anthony Mc Gahren ta’ 43 li f’Ġunju li għadda kellu inċident serju ta’ vjolenza domestika fejn saħansitra kien rapportat li weġġa’ ħafif lis-sieħba tiegħu. F’dan l-inċident, li kien seħħ fir-residenza tal-koppja fix-Xgħajra, kienet weġġgħet ħafif Vanessa Fenech wara li Sean Anthony Mc Gahren saħansitra kien għamel użu minn arma tan-nar tat-tip Chiappa – revolver – u spara numru ta’ tiri tant li kien kisser ukoll ħġieġ ta’ waħda mit-twieqi fl-istess post.
Il-Pulizija kienet bdiet investigazzjonijiet dwar dan il-każ u kienet interrogat ukoll lill-Ingliż li għandu 43 sena. Il-Pulizija fil-kors tal-istħarriġ tagħha riedet tistabbilixxi l-fatti li wasslu għal dawn l-isparaturi u kellmet ukoll lil Vanessa Fenech li kienet għamlet ir-rapport wara li kienet beżgħet b’dak li kien ġara.
Il-Qorti, immexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella, semgħet jitrattaw kemm lill-Prosekuzzjoni kif ukoll lid-Difiża. Fil-Qorti l-Ingliż minbarra li kien akkużat dwar vjolenza domestika kien akkużat ukoll li hedded lis-sieħba tiegħu Vanessa Fenech tant li pprova juża l-forza bil-ħsieb li jweġġagħha. Akkużi oħrajn fil-konfront tiegħu kienu li kien fil-pussess ta’ arma tan-nar u li użaha… kollox mingħajr il-permess tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Jirriżulta li fil-kors tal-proċeduri fil-Qorti, Vanessa Fenech talbet li tirtira r-rapport fil-konfront tas-sieħeb tagġha. Talbet ukoll lill-Pulizija u lill-Qorti biex ma jittieħdux passi fil-konfront tar-raġel Ingliż.
Mistoqsi mill-Qorti xi jwieġeb għall-akkużi fil-konfront tiegħu, Sean Anthony Mc Gahren, qal li hu ħati biss tal-pussess tal-arma tan-nar u li ma kellux liċenzja biex jużaha. Sitta mit-tmien akkużi fil-konfrontt tiegħu ġew irtirati wara li Vanessa Fenech ħafritlu ta’ dak li kien għamlilha.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti ħadet nota tax-xenarju kollu u kkastigat lill-Ingliż għal multa ta’ €700 li trid titħallas €100 fix-xahar għal seba’ xhur konsekuttivi.
Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-arma wżata waqt ir-reat.
Barra minhekk il-Qorti ordnat lill-Ingliż ukoll biex iħallas l-ispejjeż tal-Esperti maħtura mill-Qorti. Dawn jammontaw għal €1,128.30 u li jridu jitħallsu f’ħames pagamenti ta’ €225.66 kull xahar lir-Reġistru tal-Qorti Kriminali.
//= $special ?>