L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ftit tal-ħin ilu ppubblika kontro-protest mill-Avukat Ġenerali wara l-protest ta’ Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista fis-26 ta’ Lulju li għadda.
Kien il-Ħamis filgħaxija meta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi protest ġudizzjarju talab biex sa mhux aktar tard minn dakinhar l-Avukat Ġenerali kellu jgħaddilu kopja tal-atti ta’ inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja flimkien max-xhieda u mad-dokumentazzjoni kollha fl-intier tagħhom. Xi ħaġa li ma saritx.
Il-protest ġudizzjarju li kien iffirmat mill-avukat Vincent Galea sar fid-dawl tad-deċiżjoni tal-avukat ġenerali Peter Grech li qal li ma jqisx li għandu jibdel il-fehma tiegħu dwar il-pubblikazzjoni u l-aċċess għar-rapport tal-inkjesta f’dan l-istadju, jiġifieri, li se jkun qed iċaħħad lill-Oppożizzjoni minn kopja tar-rapport sħiħ.
Fil-protest ġudizzjarju Adrian Delia qal li din id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali qed toħloq żbilanċ politiku serju favur il-Gvern u l-Partit Laburista u dan b’detriment għal Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>