Internazzjonali

L-elezzjoni fiż-Żimbabwe: Il-kandidati rivali huma t-tnejn konvinti mir-rebħa

Il-President taż-Żimbabwe, Emmerson Mnangagwa, u r-rivali tiegħu, Nelson Chamisa, it-tnejn huma fiduċjużi mir-rebħa fost l-istennija għall-ewwel riżultati tal-elezzjoni storika fil-pajjiż, li hi l-ewwel waħda wara l-era ta’ (l-eks President) Robert Mugabe.

Mnangagwa qal li rċieva ‘informazzjoni mill-aktar pożittiva’, filwaqt li Chamisa sostna li l-partit tiegħu ‘qed jidher li kiseb vantaġġ sostanzjali’. Dan waqt li partitarji ta’ Chamisa fl-aħħar sigħat ħarġu jiċċelebraw huma u jakkużaw lil tan-naħa l-oħra dwar ‘tbagħbis ta’ voti’.

Iż-Żimbabwe qed teleġġi President ġdid flimkien ma’ Parlament u kunsilli lokali, u meta nhar it-Tnejn ħarġu jivvutaw 75 fil-mija tal-elettorat. Il-vot taż-żgħażagħ mistenni jkun fattur importanti fl-elezzjoni, meta kważi n-nofs tal-5.6 miljun votanti rreġistrati taż-Żimbabwe għandhom anqas minn 35 sena.

Osservaturi tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti li segwew l-elezzjoni għall-irregolaritajiet indikaw li l-proċess mexa ‘b’mod xieraq u ġust’.

Il-Kummissjoni Elettorali taż-Żimbabwe għandha sas-Sibt biex tħabbar ir-riżultat, u mhux eskluż li r-riżultat joħroġ ħafna qabel. Fl-istess ħin, l-osservaturi kienu qed jaraw it-tellieqa bejn il-Partit Zanu-PF ta’ Mnangagwa u l-Alleanza MDC ta’ Chamisa bħala ‘waħda missielta’.