Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, il-Bank of Valletta għamel profitt ta’ 88 miljun ewro u nofs qabel il-provvedimenti għal-litigazzjoni, li l-Bank żamm għal din is-sena.
F’konferenza tal-aħbarijiet biex jippreżentaw ir-riżultati, iċ-Chairman tal-BoV Deo Scerri spjega li dan l-ammont hu 30 fil-mija aktar mill-istess perjodu għas-sena li għaddiet, tant li hu l-ogħla profitt għal nofs is-sena li qatt ġie rrappurtat mill-Bank.
Hu spjega li minn dawn, il-Bord tal-BoV għaraf provvediment għal-litigazzjoni ta’ 75 miljun ewro biex il-profitt qabel it-taxxa rriżulta fi 13-il miljun ewro u nofs.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet kien spjegat li l-Bord għażel li jipprovedi l-75 miljun ewro kontra kwalunkwe telf potenzjali minn każijiet li nqalgħu tul is-snin u li fihom hu nvolut il-Bank of Valletta.
Dawn il-każijiet qed jinżammu taħt skrutinju kontinwu biex tkun evalwata l-pożizzjoni tal-Bank minn żmien għal żmien fid-dawl tal-iżviluppi li jseħħu. B’hekk, il-Bord żamm id-dritt li jadatta l-miżuri skont it-tibdil fiċ-ċirkustanzi, għalkemm kien enfasizzat li dan kollu ma jikkostitwixxi l-ebda ammissjoni ta’ ħtija jew responsabbiltà fil-każijiet rispettivi.
Iċ-Chairman tal- BoV kompla li s-self lill-klijenti llum jammontaw għal erba’ biljun ewro u nofs, filwaqt li d-depożiti totali mal-Bank jammontaw għal 10 biljun ewro.
Fil-kumment lill-ġurnalisti, hu qal li l-istrateġiji adottati mit-tmexija tal-Bank għall-konservazzjoni tal-kapital u t-tnaqqis fir-riskju tal-mudell tan-negozju huma għodda li se jiżguraw futur sigur, sostenibbli u profitabbli għall-Bank of Valletta.
Filwaqt li rringrazzja lill-istakeholders kollha – inkluż lill-klijenti, lill-azzjonisti u lill-impjegati – hu tenna li l-pożizzjoni tal-Bank għadha b’saħħitha, tant li l-ħidma tiegħu qed tkompli b’mod sostenibbli.
//= $special ?>