Wara li matul din il-ġimgħa komplew jikbru l-possibbiltajiet, waslet l-aħbar li n-negozjati bejn Juventus u Milan għalqu fil-pożittiv. Gonzalo Higuain se jingħaqad ma’ Milan filwaqt li se jsir il-bdil bejn Mattia Caldara u Leonardo Bonucci.
Higuain se jingħaqad ma’ Milan b’self ta’ 18-il miljun u dritt li Milan jixtru l-plejer fi tmiem l-istaġun għal €36 miljun. Il-ftehim l-ieħor bejn Caldara u Bonucci se jara lil Caldara jingħaqad ma’ Milan mingħajr ma għamel id-debutt uffiċjali ma’ Juventus, filwaqt li Bonucci se jirritorna ma’ Juventus wara staġun biss. Iż-żewġ plejers kellhom il-valutazzjoni ta’ €40 miljun. Juventus ma għandhom l-ebda klawsola li jistgħu jakkwistaw lil Caldara.
In-negozjati saru minn Giuseppe Marotta u Fabio Paratici għal Juventus, Leonardo għal Milan, Nicolas Higuain aġent u ħu Gonzalo Higuain, Alessandro Lucci aġent ta’ Bonucci u Giuseppe Riso l-aġent ta’ Caldara.
Higuain kien qed jitlob pagament ta’ madwar €6 miljun biex jaċċetta li jingħaqad ma’ Milan b’self u bid-dritt li jinxtara, formula li ftit kienet qed tikkonvinċi lill-Arġentin. Ir-rossoneri kienu qed jipproponu kuntratt ta’ erba’ snin b’salarju ta’ €7.5 miljuni, l-istess ċifra mingħajr bonus li kellu Bonucci.
//= $special ?>