Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta jirbaħ ċertifikat ta’ kwalità

“Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta huwa eżempju ta’ kif gvern lokali jagħmel qabża ta’ kwalità – u juri biċ-ċar kif il-Gvern irid jagħti aktar fiduċja lill-Kunsilli Lokali u mhux inaqqrilhom mill-poteri” – kliem ta’ tifħir lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta wara li kiseb ċetifikat ta’ eċċellenza u kwalità fil-mod kif jiġi amministrat.

NET News tkellem mas-Sindku tal-Belt Valletta Alexei Dingli dwar dan is-suċċess, fejn spjega li s-sistema tal-ISO 9001 żiedet fl-effiċjenza u s-servizz mogħti lil kull min jagħmel użu mis-servizz tal-Kunsill Lokali.

Is-Sindku tal-Belt Valletta stqarr li l-Kunsill Lokali jilqa’ bejn it-30 u l-40 elf persuna kull sena, kemm mil-lat soċjali u kif ukoll kummerċjali – u dawn l-ammonti jkomplu jagħtu kuraġġ lill-amminstrazzjoni tal-Belt Valletta biex itejbu s-servizz offrut filwaqt li jżidu t-trasparenza.

Preżenti għall-għoti taċ-ċertifikat, kienn hemm il-Kelliem f’isem l-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar li għamel appell dirett lill-Gvern biex ma jkomplix inaqqas is-saħħa tal-Kunsilli. Id-deputat Robert Cutajar ġab eżempju kif il-Gvern Laburista qed jieħu f’idejh diversi toroq u jnaqqas mill-ġurisdizzjoni tal-Kunsilli Lokali. Robert Cutajar appella direttament lill-Gvern Laburista sabiex iżid il-poteri tal-Kunsilli Lokali, u mhux jiċċentralizza s-sistemà.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, tkellem ukoll l-Inġinier Sammut li stqarr li dan kien vjaġġ ta’ eċċellenza għall-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u stqarr li din is-sistema ġdida għandha tiġi addotatta minn Kunsilli Lokali oħra u anke entitajiet governattivi.

Minn naħa l-oħra għan-nom tal-bord li ta ċ-ċertifikazzjoni tal-ISO kien hemm il-inġinier Sant li stqarr li din is-sistemà se tkompli tgħin f’servizz ta’ kwalità għolja.