Lokali Qorti

Il-mument delikat meta provaw isalvaw il-ħajja tal-omm

Arkivji
Il-każ se jkompli jinstema' fit-13 t'Awwissu

Iż-żewġ nisa kienu f’għadira demm, kważi fuq xulxin. L-omm kienet wiċċha ‘l fuq, b’diversi daqqiet f’għonqha. Il-mara l-oħra li nstabet fil-kamra tal-bejt kienet mejta.

Hi din ix-xena li sab quddiemu t-tabib Jonathan Joslin meta wasal fil-post fejn seħħ id-delitt doppju tax-xahar li għadda, meta Kevin Micallef aggredixxa lil ommu Antonia Micallef u lil zitu Maria Carmela Fenech. L-omm mietet ftit tal-minuti biss wara l-aggressjoni.

Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-Qorti, it-tabib Joslin spjega kif fl-ambulanza, fi triqitha lejn l-isptar, Antonia Micallef ġiet konxja għal ftit sekondi. U meta saqsewha minn għamel dan l-att, hi wieġbet “Kevin” – isem binha.

Fil-Qorti, l-Ispettur Kurt Zahra spjega kif Kevin Micallef l-ewwel qatel liz-zija tiegħu, imbgħad meta ra lil ommu tibki, dar għal fuqha. L-akkużat kien stqarr mal-Pulizija li dak il-ħin wara li aggredihom “kien ikun aħjar kieku dawwar is-sikkina lejh”.

Fl-awla, waqt li kienet qed tingħata din ix-xiehda, l-akkużat ma wera l-ebda emozzjoni.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Monica Vella.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Kurt Zahra u Elton Taliana filwaqt li l-avukat Francois Dalli qed jiddefendi lill-akkużat.