“L-affarijiet essenzjali – bħal prezz tal-gass, il-petrol u d-diesel bil-familji Maltin qegħdin jintlaqtu fil-laħam il-ħaj biż-żieda fil-prezzijiet. Se jintlaqtu wkoll in-negozji li jaħdmu bil-fuels – u d-differenza se jkollu jagħmel tajjeb għaliha jew in-negozjant billi jnaqqas mid-dħul tiegħu jew inkella jgħolli l-prezzijiet u d-differenza jħallasha il-konsumatur” – kliem is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli waqt il-programm Follow-Up fuq Net FM intervistat minn Jerome Caruana Cilia.
Waqt l-intervista, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli stqarr li din iż-żieda toħroġ il-mentalità tat-two weights and two measures tal-Gvern Laburista. Clyde Pyli semma’ kif fl-2011 meta għolew il-prezzijiet, Joseph Muscat waqt li kien għadu Kap tal-Oppożizzjoni kien niżżel lin-nies jipprotestaw fit-toroq.
Madanakollu, Clyde Puli tenna li d-differenza kien li meta għolew il-prezzijiet tal-fjuwil fl-2011 il-prezz taz-zejt dak iż-żmien kien ta’ 115-il dollaru Amerikan, filwaqt li llum hu ta’ 76 dollaru-il barmil, jiġifieri in-nofs ta’ dak li kien.
Clyde Puli semma’ kif mill-lat soċjali il-familji Maltin huma milqutha b’din iż-żieda fil-prezz. Semma kif Aktar minn 72,000 persuna qed jgħixu b’paga tant baxxa li tagħmilhom parti mill-faxxa ta’ nies li qed jgħixu f’riskju ta’ faqar u dan se jkompli jzid il-piz fuqhom. Piż li se jaffettwa wkoll l-ekonomija tal-pajjiż.
Joseph Muscat fl-Oppożizzjoni kien niżżel lin-nies fit-toroq dwar żieda fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel meta l-prezz taż-żejt kien għoli, u llum meta l-prezz taż-żejt huwa irħas huwa Joseph Muscat stess li qed jgħolli l-prezzijiet għall-familji Maltin u Għawdxin.
//= $special ?>