Il-Qorti illiberat lill-eks Kap Eżekuttiv tal-MIMCOL Mario Mizzi mill-akkużi ta’ korruzzjoni u tixħim waqt il-proċess ta’ aġġudikazzjoni għat-tender tal-faċilitajiet tas-super yachts. Il-każ imur lura kważi 8 snin, bil-proċeduri l-Qorti jibdew f’Jannar 2012.
Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Doreen Clarke qalet li l-Qorti ma sabitx lill-Mizzi ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Is-sentenza fil-konfront ta’ Mario Mizzi hi ċara: “Il-Qorti hi konvinta li dak li għamel l-imputat ma kienx xi tpattija għax pretenda xi ħaġa…imma għamel dak li ħass li kellu jagħmel fil-kors normali tal-qagħdi ta’ dmirijietu”.
Mizzi kien irriżenja mill-MIMCOL lejn l-aħħar tal-2010. Iżda l-proċeduri fil-Qrati bdew sentejn wara, f’perijodu fejn kienet riesqa l-elezzjoni ġenerali, bil-Partit Laburista u l-media tiegħu jipprovaw jieħdu vantaġġ politiku minn dawn l-allegazzjonijiet.
Dak iż-żmien, Joseph Muscat kien rikeb sew fuq dawn l-allegazzjonijiet, u kien saħansitra qal li dan il-każ għalih kien “diżgustanti”.
Għal Mario Mizzi deher l-avukat Joe Giglio.
//= $special ?>