Internazzjonali

Jinsterqu ġojjelli rjali Żvediżi

Qed issir tfittxija kbira għall-ġojjelli rjali li nsterqu mill-kati-dral ta’ Strängnäs, fil-periferiji tal-kapitali Żvediża, Stokkolma.

Is-serqa fi Strängnäs kienet tinkludi żewġ kuruni ta’ re u reġina mis-17-il seklu. Din saret minn żewġt irġiel li mbagħad ħarbu fuq speedboat. Is-serqa saret waqt li l-katidral kien miftuħ għall-pubbliku u wkoll kienet qed issir fiera.

Ix-xhieda qalu li raw żewġt irġiel jitilqu jiġru mill-bini, imma m’hemm ebda ħjiel dwar min setgħu kienu. Imbagħad ħarbu bl-ispeedboat fil-Lag Malaren. L-uffiċjali qalu li kien impossibbli li wieħed jagħti valur għal dak li nsteraq.

Il-ġojjelli kienu ġejjin mill-funeral fl-1611 tar-Re Karlu IX u r-Reġina Kristina. Il-Pulizija Żvediza talbet ukoll l-għajnuna tal-Interpol fi sforz biex l-affarijiet misruqa jkun diffiċli li jerġħu jinbiegħu. Fl-2013 kienu nsterqu kuruna u xettru li kienu ntużaw fil-funeral ta’ re ieħor, ir-Re Johann III, minn Västerås. Dawn, imbagħad kienu nstabu f’żewġ boroż f’tarf triq wara telefonata anonima.