Lokali Qorti

MILL-QORTI: Meta nżamm mill-Pulizija, iż-żagħżugħ tahom isem falz

Fl-inċident kien inqatel żagħżugħ Olandiż

Dalgħodu fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni fil-każ ta’ Michael Caruana Turner – iż-żagħżugħ ta’ 20 sena li tajjar tmien persuni meta tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu hu u jsuq fi Triq Ġorġ Borg Olivier, San Ġiljan.

Fost ix-xiehda, kien hemm it-testimonjanza ta’ uffiċjali tal-Pulizija u tobba mill-Isptar Mater Dei. Fil-Qorti, il-kuntistabbli Alfred Bray spjega kif għall-ewwel Caruana Turner ma tahomx l-isem propju tiegħu. Qalilhom li jismu George Pace. Iżda ftit wara, indunaw li ma kienx qed jgħid il-verita’ għaliex sabu d-dettalji tas-sid tal-karozza nvoluta fl-inċident…is-Subaru kienet reġistrata fuq missier Caruana Turner.

Is-Surġent Mark Cremona spjega x-xena li sabu ma wiċċhom il-Pulizija malli waslu – tifrik ma’ kullimkien, filp flips f’nofs ta’ triq, arblu tad-dawl imkisser u bank li tfarrak għal kollox bid-daqqa tal-karozza.

Tkellem ukoll is-Surġent Edmond Fenech illi kien għaddej mit-triq sekondi biss wara li seħħ l-inċident. Hu spjega kif ma seta’ jara xejn bid-daħna kbira li kien hemm. U malli niżel mill-karozza, l-ewwel ma ra kien lill-Olandiż mixħut f’nofs ta’ triq bid-demm ħiereġ minn ħalqu, filwaqt li kien hemm persuna li fi ftit ħin niżlet tagħti is-CPR lil Scholten.

Michael Caruana Turner qed jiġi akkużat li b’negliġenza kkawża l-mewt ta’ Tim Scholten li kellu 19-il sena, u li weġġa; 5 persuni oħra. Jinsab akkużat ukoll b’seqan perikoluż u li saq taħt l-influwenza tax-xorb. Caruana Turner qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi.

Il-każ ikompli fil-5 ta’ Settembru.

Aktar kmieni

Fl-ewwel seduta, l-avukat difensur Joe Giglio kien qal li l-klijent tiegħu għandu rimors kbir għal dak li għamel. U spjega li Caruana Turner ħass li seta’ isuq għaliex ried imur għand in-nanna tiegħu – rotta li tieħu biss 4 minuti.

Iż-żagħżugħ kien esprima dispjaċir kbir għal dak li wettaq, u qal li jobgħod lilu nnifsu għal li għamel, u speċjalment li l-Olandiż miet tort tiegħu.