Futbol Sport

Lucas Digne jingħaqad ma’ Everton

Everton iffirmaw lid-difensur Lucas Digne mingħand Barcelona b’kuntratt ta’ ħames snin. Il-klabb Ingliż laħaq ftehim ma’ Barcelona l-Ħadd filgħaxija għal somma li tista’ titla’ sa €22.5 miljun.

Digne li fil-passat lagħab ukoll ma’ Paris Saint-Germain, kien riserva tal-internazzjonali Spanjol ma’ Barcelona, u jinsab ħerqan li jilgħab b’mod regolari ma’ Everton.

“Everton hu klabb kbir bi storja kbira. Irrid nilgħab il-logħob, nirbaħ il-logħba u neċita l-partitarji bil-kwalità tal-futbol tagħna. Irrid nuri l-aqwa futbol tiegħi hawn u niskopri l-isbaħ kampjonat fid-dinja. Kulħadd iħobb il-Premier League.”

Digne kompla jgħid li mhux qed jibża’ iżda jinsab eċċitat minħabba li għalih hi sfida ġdida li jiskopri pajjiż, kampjonat u nies.

Il-plejer ta’ 25 sena lagħab 21 darba ma’ Franza u rebaħ il-kampjonat il-Ligue 1 u l-La Liga ma’ PSG u Barcelona rispettivament. Digne sar it-tieni akkwist tal-manager il-ġdid ta’ Everton Marco Silva, wara li akkwistaw lil Richarlison mingħand Watford għas-somma ta’ €45 miljun.