Futbol Sport

Pierluigi Collina jirriżenja minn Kap tar-Referees tal-UEFA

Pierluigi Collina rriżenja minn Kap tar-Referees tal-UEFA minħabba raġunijiet personali. Il-UEFA żvelat ilbieraħ li postu se jittieħed mit-Taljan Roberto Rosetti. Collina li għandu 58 sena, inħatar bħala l-ewwel Kap tar-Referees fl-2010 wara li kien irtira minn referee ħames snin qabel.

Fiż-żmienu, Collina kien strumentali f’diversi avvanzi li saru fosthom l-iżvilupp ta’ programmi biex jitjiebu l-livelli tekniċi, fiżiċi u ta’ nutrizzjoni, filwaqt li jassiguraw li l-elementi tekniċi u t-tagħrif tat-timijiet isiru parti mill-preparazzjoni tar-referee.

“Kien ta’ privileġġ li naħdem bħal Kap tar-Referees tal-UEFA fl-aħħar tmien snin. Kburi ħafna bir-riżultati li ksibna flimkien ma’ sħabi l-uffiċjali u l-Kumitat tar-Referees tal-UEFA. Nixtieq nirringrazzja lill-UEFA tas-sappport li taw lid-dipartiment tar-refereeing f’fawn is-snin, kif ukoll lill-uffiċjali tal-logħba tal-impenn tagħhom,” qal Collina.

Il-President tal-UEFA Aleksander Ceferin żied jgħid li Collina ġab il-viżjoni, l-għarfien u l-kwalità li kellu bħala referee fl-irwol li kellu fil-UEFA.

Is-sostitut ta’ Collina, Roberto Rosetti, għandu 50 sena u kien referee internazzjonali mill-2002 sakemm irtira fl-2010. Fost il-partiti ta’ livell, hu kkontrolla l-logħba tal-ftuħ u l-finali tal-Kampjonat Ewropew tal-2008.