Futbol Sport

Rebħiet għal Man United, Tottenham u Roma fl-International Champions Cup

(Ritratt: EPA)

Manchester United temmew l-International Champions Cup fuq nota pożittiva b’rebħa ta’ 2-1 fuq Real Madrid. Alexis Sanchez fetaħ l-iskor wara 18-il minuta b’xutt mill-ewwel wara kross fil-baxx mil-lemin ta’ Matteo Darmian.

Ir-Red Devils irduppjaw fis-27 minuta f’azzjoni maħduma tajba li fiha Sanchez niżżel lejn Ander Herrera li għadda l-ballun taħt Casilla. Real Madrid naqqsu d-distakk qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Karim Benzema.

Il-winger Franċiż Georges-Kevin N’Koudou skorja l-uniku gowl fir-rebħa ta’ 1-0 li Tottenham għamlu fuq Milan fl-aħħar logħba tagħhom fl-Istati Uniti. Il-plejer ta’ 23 sena skorja b’xutt b’saħħtu fis-47 minuta biex skorja t-tieni gowl fil-pre-season.

Din kienet it-tieni rebħa fi tliet logħbiet wara rebħa fuq Roma filwaqt li tilfu kontra Barcelona bil-penalties. Huma jilagħbu kontra Girona s-Sibt qabel ma jibdew il-Premier League kontra Newcastle fil-11 ta’ Awwissu.

Roma għelbu lil Barcelona 4-2 f’dak li kien l-ewwel dwell bejniethom wara li Barcelona akkwistaw lil Malcom fl-aħħar ħinijiet proprju mingħand Roma.

Rafinha fetaħ l-iskor għal Barcelona wara seba’ minuti, iżda Stephan El Shaarawy ġab id-draw fil-35 minuta. Il-Brażiljan Malcom reġa’ poġġa lit-tim Katalan minn fuq fil-50 minuta, sakemm Alessandro Florenzi ġab id-draw fit-78 minuta.

Bryan Cristante poġġa lil Roma minn fuq fit-83 minuta b’xutt b’saħħtu fil-baxx, biex tliet minuti wara penalty ta’ Diego Perotti għalaq il-logħba.