Tard it-tlieta filgħaxija nirien ħakmu karozza, parti mill-ħanut The Convenience Shop fiż-Żejtun u l-faċċata ta’ blokka bini li tinsab fi Triq il-Labour f’kantuniera ma’ Triq it-Tamburin.
Kawża tan-nirien il-karozza li kienet ipparkjata fi triq it-Tamburin inqerdet waqt li l-qawwa tan-nar waslet biex inkisret waħda mit-twieqi tal-ħanut The Convenience Shop u kkawżat ħsarat fuq ġewwa tal-istabbiliment waqt li d-duħħan saħansitra laħaq iż-żewġ sulari tal-blokka appartamenti.
Fuq il-post issejħu l-Pulizija u bdew l-investigazzjonijiet biex jistabbilixxu x’wassal għan-nirien.