L-eks numru wieħed tad-dinja Andy Murray għamel pass ieħor importanti wara li rritorna b’rebħa ta’ 7-6, 1-6, 6-4 fuq il-Britanniku Kyle Edmund. Fit-tielet rawnd tal-Open ta’ Washington hu jilgħab kontra r-Rumen Marius Copil.
“Kienet ħafna aħjar, f’termini ta’ kif lagħbt il-logħba. Irrelevanti mir-riżultati, ridna li tal-anqas niddettaw aktar punti, nipprova nuża l-forehand u nkun eqreb il-baseline. Naħseb li għamiltha, speċjalment f’mumenti importanti fit-tielet set. Kont qed inkun aktar offensiv,” qal l-Iskoċċiż.
Edmund għeleb lil Murray f’Eastbourne f’Ġunju, f’dik li kienet it-tielet logħba mir-ritorn tiegħu fuq il-ħaxix, qabel mas-sid numru 832 irtira minn Wimbledon.
Wara l-logħba, Edmund qal li ta l-aħjar tiegħu fil-ġurnata iżda dan ma kienx biżżejjed. Hu qal li kien ikun sabiħ li żamm is-service u jieħu t-tielet set għat-tie-break iżda dan ma seħħx.
Mill-istess kompetizzjoni, iċ-champion renjanti Alexander Zverev għeleb lit-Tuneżin Malek Jaziri 6-2, 6-1 u se jilgħab kontra ħuh Mischa fit-tielet rawnd. Wara ħames snin fuq it-Tour ATP, dan se jkun l-ewwel konfront bejniethom fuq il-court.
Il-Belġjan David Goffin irkupra minn ħasda biex għeleb lill-Franċiż Pierre-Hugues 6-2, 1-6, 7-6 filwaqt li l-Ġappuniż Kei Nishikori għeleb lill-Amerikan Donald Young għat-tieni sena konsekuttiva b’rebħa ta’ 6-3, 6-4. Hu se jilgħab kontra l-Kanadiż Denis Shapovalov filwaqt li Goffin jilgħab kontra l-Amerikan Frances Tiafoe.
Il-ħames sede Nick Kyrgios irtira mit-tournament wara li weġġa’ ġenbu, wara li kien irtira wkoll mill-Open ta’ Atlanta l-ġimgħa l-oħra.
//= $special ?>