Formula 1 Sport

Dan it-tim hu matur u ma għandux għalfejn ikollu pressjoni  – Danilo Doncic

Il-logħba tibda fis-6.00pm fis-Centenary Stadium

Il-gowl tad-draw lejn it-tmiem ta’ Mario Fontanella ġimgħa ilu, poġġa lil Valletta b’ċans li għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom jikkwalifikaw għat-tielet rawnd ta’ kompetizzjoni Ewropea. Bid-draw ta’ 1-1 fil-Bożnja, Valletta jgħaddu jekk ma jsofrux gowl.

Il-kowċ ta’ Valletta Danilo Doncic hu konxju ta’ dan il-fatt iżda minkejja li ta importanza biex it-tim ma jaqlax gowl, saħaq li t-tim mhux se jkun qed jiddefendi r-riżultat. Hu semma kif Zrinjski huma ħafna aħjar mill-avversarji ta’ Valletta fl-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League Kukesi.

“Qabel il-logħba tal-Ħamis li għadda, kont qed naħseb fuq il-prestazzjoni li jista’ jkollna u mhux fuq ir-riżultat.” Hu semma l-fatt kif minħabba l-kundizzjoni ta’ Pena Beltre, għażel li fl-ewwel logħba jilgħab lil Raed Saleh bħala difensur biex ilaħħaq fil-ġiri, hekk kif Zrinjski jilagħbu ħafna mal-linji.

Doncic wera s-sodisfazzjon bil-prestazzjonijiet li Valletta kellhom fl-Ewropa u jemmen li t-tim preżenti hu matur biex jilgħab dawn il-logħbiet importanti fil-kompetizzjonijiet Ewropej, minħabba l-esperjenza ta’ diversi plejers, u għalhekk qal li ma għandhomx għalfejn ikollhom pressjoni.

Valletta mhux mistennija jkollhom fil-formazzjoni inzjali lid-difensur laterali Enmy Pena Beltre filwaqt li Bogdan Gavrila u Steve Borg mhux 100%, bid-difensur Malti xorta hu probabbli li jkun inkluż mill-bidu.