Il-Pulizija qed tfittex mill-anqas żewġ persuni wara argument jaħraq bejn ħames persuni fil-Ħamrun. L-argument, li laħaq il-qofol tiegħu fi Triq Indrì Cilia, aktarx beda minħabba diżgwid ta’ flus.
Dan hekk kif NET News jinsab infurmat li raġel mill-Ħamrun kellu jagħti xi flus lil raġel ieħor, minn Ħaż-Żabbar. Nuqqas ta’ qbil wassal biex iż-Żabbari u persuna oħra marru quddiem ir-residenza tal-Ħamruniż.
Kien hawn li, wara n-nuqqas ta’ qbil u argument bejn iż-żewġ naħat, iż-Żabbari saq il-karozza għal fuq il-karozza tal-Ħamruniż u ħarab mill-post.
Rapporti fil-media jgħidu li qabel il-ħabta bejn il-karozzi, allegatament intużaw ukoll xi skieken.
Min-naħa l-oħra, NET News jinsab infurmat li l-Pulizija mhix teskludi li ż-Żabbari, li kien qed isuq il-karozza li ħarbet mill-post, m’għandux liċenzja tas-sewqan.
Madankollu, dan id-dettal ma setax ikun konfermat, almenu sakemm ir-raġel jinstab mill-Pulizija.
Għaldaqstant, il-Pulizija għadha għaddejja bi tfittxija għal karozza bajda tat-tip Toyota, li allegatament kienet involuta fil-każ u li fiha kien hemm iż-Żabbari u l-persuna l-oħra.
Fil-post issejħu l-Pulizija, fosthom madwar sitt vetturi tar-Rapid Intervention Unit, bl-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija mill-Għassa tal-Ħamrun.
Waslet ukoll Ambulanza, iżda din telqet mill-post vojta, hekk kif ħadd ma ndarab f’dan il-każ.
//= $special ?>