Lokali

FILMAT: Il-Gvern qed jisraq 80% tal-poplu minn fuq il-kontijiet tad-dawl

"Il-Gvern qiegħed iżid il-barranin biex isostni l-ekonomija minflok itejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema Maltin"

Hekk kif il-Gvern qiegħed jisraq 80% tal-poplu minn fuq kull kont tad-dawl, il-Maltin issa qed isofru minn żidiet fil-prezzijiet tal-fuels. Mis-sagrifiċċji tagħhom qed iħallsu għas-serq tal-Gvern.
“Din hija t-tieni darba li ġrat. Il-prezz qed jgħola u l-Maltin qiegħdin isofru dawn il-prezzijiet. Mhux qed ngħid li fid-dinja normali, il-prezzijiet ma jgħolewx iżda tgħidx li ma tridx tiżvela lin-nies xi ftehim għandek biex iserrħilna moħħna li l-prezz se jibqa’ fiss għaliex hemmhekk qed tidħaq bin-nies.”

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, meta kien intervistat minn Frank Psaila, preżentatur tal-programm Iswed fuq l-Abjad.

Adrian Delia saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkun ir-ruħ soċjali tal-poplu kollu.“Dawk li taw kollox lil pajjiżna, dawk li bnew lil pajjiżna, qed narmuwhom u nneżżgħuhom mid-dinjità.” Il-Gvern neżża’ għal kollox id-dinjità tal-penzjonanti hekk kif dawn ma jgħaddux sal-aħħar tax-xahar u jispiċċaw jiġu mgħejuna mill-familjari tagħhom.

Mistoqsi dwar il-faqar f’pajjiżna, Adrian Delia qal li l-Gvern qed jonqos mill-obbligi tiegħu li jqassam b’mod ekwu l-ġid ekonomiku u rnexxielu jilħaq l-ogħla rata ta’ faqar f’pajjiżna bl-inqas qgħad possibli, b’70,000 persuna ma jlaħħqux mall-bżonnijiet ta’ kuljum.

“Għalkemm in-negozju miexi, dan il-Gvern qed joħloq il-faqar. Il-Gvern jgħin lin-negozji iżda jagħżel li jgħin xi wħud minnhom aktar minn oħrajn u oħrajn li mhux talli jgħinhom, talli jara kif jgħinhom kemm jiflaħ iktar minn normal. Meta niġu għall-pagi, ma jridx ikun hemm biss impjieg, imma li jkun diċenti mingħajr prekarjat. Il-ħajja diċenti titlob li inti taħdem biex tgħix u mhux tgħix biex taħdem.”

L-ikbar problema bħalissa hi li l-ekonomija hija bbażata fuq il-popolazzjoni. Adrian Delia qal li li l-Gvern qiegħed iżid il-barranin biex isostni l-ekonomija minflok itejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema Maltin.

Il-Kap tal-PN nissel tama f’dawn in-nies li jistgħu ikunu aħjar bi żviluppi fi swieq li jrendu aktar biex il-Maltin jitħallsu aħjar. Huwa staqsa kif ħaddiem żagħżugħ Malti ġo fabbrika jista’ qatt jibni familja b’€823 paga fix-xahar.

“In-nies iridu bidla mill-qiegħ”

Mistoqsi dwar kif ġiet riżolta s-sitwazzjoni fi ħdan il-Partit, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, tkellem dwar l-aħħar żviluppi hekk kif assuma l-portafol tal-governanza t-tajba.

“Ma jrid ikun hemm xejn li jxekkel jew ixejjen il-ġlieda tagħna kontra l-korruzzjoni. Xtaqt li bħala Kap tal-Partit niġġieled din il-ġlieda u rrid il-Grupp Parlamentari kollu warajja f’din il-ġlieda.”
Wara li l-Partit Nazzjonalista beda jitlef il-popolarità ripetutament mill-2004 lil hawn, għajr għall-elezzjoni tal-2008, Adrian Delia qal li n-nies riedu bidla mill-qiegħ biex isibu l-bibien miftuħa beraħ wara li mas-snin sabuhom magħluqa.

“Meta jiena verament nemmen li l-ogħla interess huwa tal-Partit, għandi obbligu, iktar minn oħrajn, li nara li l-Partit nagħqdu u ma npaxxix lil min għandu l-intenzjoni li jġib il-firda.”

Kull Membru Parlamentari Nazzjonalista irid ikun konvint mill-mod ġdid li qed isir il-politika fi ħdan il-Partit u għalhekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella biex dawn imorru għand in-nies jisimgħu l-weġgħat, in-nuqqasijiet u l-ħsibijiet biex minn hemm titfassal il-politika. Il-Kap tal-Partit qed jixprunahom ‘il quddiem bl-eżempju iżda min imbagħad jonqos, irid jagħti kont ta’ għemilu.

“Ħa nibda ndur jien personali d-djar tan-nies, waħda waħda. Kull min għandu xi ħaġa xi jgħid, xi lment, jista’ jgħidha lili. Kull min jiddejjaq jiġi ġewwa d-Dar Ċentrali għaliex tfantas, iddejjaq jew qatt ma ġie, immur jien.”

Mistoqsi dwar il-każ oxxen tal-Vitals, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ħareġ għonqu minn jeddu u waħdu fl-interess tal-poplu. “Għalkemm kien hemm responsabbiltà kbira u tremenda għaliex qed nitkellmu fuq kawża ta’ €2 biljuni, jien deherli li għandi nerfa’ dik ir-responsabbiltà.”

B’referenza għan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni b’mod sħiħ tal-inkejsta Egrant, Adrian Delia qal li bħalissa qed nesperjenzaw proċess politiku mittiefes mill-Avukat Ġenerali u qed jimpedi milli jkun hemm bilanċ politiku: “Il-Gvern għandu arma iżda l-Oppożizzjoni m’għandux allura qed niġġieldu b’armi li mhumiex l-istess. L-Avukat Ġenerali qed joħloq hu żbilanċ politiku. Din hija ġlieda li qbadt, li fil-ġranet li ġejjin ħa nieħu mhux biss bi protest ġudizzjarju imma b’kawża għaliex qed timmina l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.”

B’hekk l-Avukat Ġenerali qed imur kontra l-Kostituzzjoni billi joħloq diskriminazzjoni politika għaliex fir-rapport hemm informazzjoni importanti dwar il-Bank Pilatus fost għodda oħra biex il-Partit Nazzjonalista jieħu pożizzjoni ċara.