L-istaġun tal-lampuki se jiftaħ dalwaqt u bħalissa s-sajjieda għaddejjin bi preparamenti biex malli jiftaħ l-istaġun, ikunu minn tal-ewwel li jwasslu lill-konsumatur Malti ħut frisk.
U bir-raġun, għax skont is-sajjied Frans Carabott, il-lampuka hija l-iktar ħuta li timxi mal-Maltin.
Frans tkellem ma’ NET News meta konna fir-razzett tal-Għammieri, fejn numru ta’ sajjieda ltaqgħu biex jiġbru weraq tal-palm. Dan għaliex il-weraq tal-palm huwa essenzjali fis-sajda tal-lampuki, kif ikompli jispjega Frans.
F’teknika magħrufa bħala ‘kannizzata’, is-sajjied li jistad għal-lampuki joħloq bħal ċattra magħmula mill-weraq tal-palm. Meta x-xemx tkun fl-aqwa tagħha, il-lampuki jfittxu d-dell tal-weraq tal-palm u jkun f’dak il-mument li s-sajjieda jixħtu x-xbieki – f’teknika antika li tmur lura għaż-żminijiet tar-Rumani.
Il-lampuka, magħrufa teknikament bl-isem ta’ ‘Mahi-Mahi’ hija ħuta li tibda tgħaddi mill-ibħra Maltin f’Awwissu. Filfatt, skont ir-regoli, is-sajjieda jistgħu jibdew idaħħlu l-lampuki fil-pixkerija mis-16 ta’ Awwissu u l-istaġun jibqa’ għaddej sa Diċembru.
Il-karatteristiċi fit-togħma u l-konsistenza tal-lampuka, jagħmlu lil din il-ħuta waħda mill-aktar versatili fil-mod ta’ kif tista’ tissajjar fil-kċejjen Maltin.
//= $special ?>