Lokali

AĠĠORNATA: Ħanut miksi demm wara hold-up fl-Imsida; il-ħalliel ħarab mill-post

Is-sid tal-ħanut jispiċċa l-Isptar ferut wara li ssielet mal-aggressur

Anzjan Naxxari ta’ 72 sena sofra feriti gravi wara li kmieni l-Ħamis filgħodu ħebb għalih ħalliel waqt li kien qed jiftaħ il-ħanut tiegħu. Il-każ seħħ fi Triq ix-Xatt tal-Imsida, fl-Imsida.

NET News jinsab infurmat li bħas-soltu, l-anzjan Toni Buttigieg, mar biex jiftaħ it-tabakkerija tiegħu fis-6.30am b’numru ta’ klijenti regolari jinqdew billi jixtru l-gazzetti jew xi pakkett sigaretti.

Madankollu, għall-ħabta tas-6.50am, daħal raġel, armat b’arma li taqta’ u bil-ponta, jitolbu l-flus li kellu fil-post. Għal din l-aggressjoni, Toni waqaflu u wieġbu li ma jridx itih flus.

Kien f’dan l-istadju li ż-żewġt irġiel ġew fl-idejn, b’sid il-ħanut juża’ lasta li kellu fil-qrib biex jiddefendi ruħu. Min-naħa tiegħu, il-ħalliel ħadlu l-lasta minn idu u tah daqqa f’rasu biha stess.

F’dan l-istadju, appena nduna li bid-daqqa nqasmitlu rasu, Toni Buttigieg ħareġ jiġri mill-ħanut u beda jgħajjat għall-għajjut. Kien hawn li l-ħalliel ħarab mill-post.

Issa, mistennija jkunu filmati ta’ cameras tas-sigurtà li għandhom xi ħwienet fil-viċin, li se jgħinu fit-tfittxija għall-ħalliel. Dan partikolarment meta l-ħalliel daħal b’wiċċu mikxuf u mingħajr l-ebda beritta jew kappell, ħlief li għal xi ħin waqt l-aggressjoni beda jipprova jgħatti wiċċu b’idu stess.

L-informazzjoni li għandna tgħid ukoll li l-ħalliel tkellem ma’ sid il-ħanut bil-Malti, f’indikazzjoni ċara li l-ħalliel hu Malti jew ilu żmien twil jgħix f’pajjiżna. Madankollu, hu jidher li ma kienx klijent regolari, iżda wiċċ ġdid għal Toni.

NET News jinsab infurmat li l-filmati miġbuda mill-ħwienet fil-viċin juru ċar wiċċ il-ħalliel, li għal xi ħin deher bilqegħda bejn il-karozzi pparkjati qrib il-ħanut. Għal xi ħin, qabel ma l-ħalliel daħal fil-ħanut deher ħdejh ukoll raġel ieħor, li iżda ma jidhirx li kien involut fil-każ.

Mal-ħarba tal-ħalliel mill-post, xi ġirien ċemplu lill-Pulizija u għal Ambulanza, biex Toni Buttigieg seta’ jingħata l-kura fil-post qabel ma ttieħed l-Isptar Mater Dei.

Għalkemm kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi, hu kien rilaxxat mill-Isptar wara ftit sigħat, hekk kif ingħata l-kura b’xi punti li sarulu. Fil-fatt, hu deher lura fil-ħanut kmieni waranofsinhar.

Ma’ NET News, Toni Buttigieg stqarr li mhux l-ewwel darba li min ikollu ħanut bħal tiegħu jibża’ li jista’ jkun fil-mira. Madankollu, stqarr li ftit tgħaddilek minn moħħok li xi darba jista’ jiġri lilek.

Madankollu, hu qal li minkejja dan kollu, se jibqa’ jiftaħ it-tabakkerija tiegħu biex joffri s-servizz għall-klijenti regolari tiegħu.

Il-Maġistrat tal-għassa Monica Vella kienet infurmata bil-każ u ordnat li ssir Inkjesta.

Ritratt mill-post fejn seħħet is-serqa