Ambjent Lokali

Il-fekruna tissemma’ Alison; se tiġi operata dalwaqt

Il-fekruna li ġiet salvata ftit tal-jiem ilu minn żagħżugħ Malti se tiġi operata fil-ġranet li ġejjin. Dan kien konfermat minn Nature Trust f’komunikat li xandret fuq il-media soċjali.

Din il-fekruna ingħatat l-isem ta’ Alison.

Fi tmiem il-ġimgħa, f’wieħed mill-isbaħ atti li rajna matul dan is-sajf, Leander Mizzi salva lil din il-fekruna tal-ilma baħar bit-tama li din tingħata kull għajnuna possibbli.

Mizzi, li hu mill-Fgura tella’ post fuq Facebook, bir-ritratti juru x-xlief li weħel mal-fekruna. Ix-xlief kien imwaħħal f’ħalqha, u baqa’ ħiereġ mill-parti ta’ wara tagħha.

Din kienet l-ewwel fekruna tal-ilma baħar li ġiet salvata din is-sena.