Il-kumpanija Franċiża Sanofi bdiet taħżen il-mediċini fil-każ li r-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim – dak magħruf bħala l-hard Brexit. Intqal li l-kumpanija qed iżżid il-ħażna bi provista li s-soltu jkun hemm f’erba’ ġimgħat.
Dan biex tkun lesta għal xi tħarbit li jista’ jkun hemm fil-provista minħabba l-Brexit. Il-provista hi għal sensiela vasta ta’ prodotti, fosthom l-insulina. It-tħassib ewlieni tas-Sanofi hu li jkun hemm tħarbit fit-trasport tal-mediċini minħabba l-Brexit.
Dan peress li ħafna jridu jiġu impurtati lejn ir-Renju Unit. L-uffiċjali tas-Sanofi qalu li dan qed isir skont rakkomandazzjonijiet tal-Federazzjoni Ew-ropea tal-Industrja u l-Assoċjazzjonijiet tal-Farmaċewtika.
Il-kalkolu ta’ erba’ ġimgħat hu bbażat fuq kif ħafna mill-provisti jaslu miċ-Channel Tunnel; fl-2005, meta kien hemm strajk fi Franza, kien hemm tħarbit fil-provista ta’ madwar xahar. Hemm tħassib ukoll dwar mediċini li jkollhom bżonn jintbagħtu lura l-Ewropa għall-quality control u li jista’ jsir diffiċli jekk ikun hemm il-hard Brexit. Dan peress li s’issa dan isir mill-impjant f’Suffolk u minflok ikollhom isiru f’pajjiżi oħra Ewropej.
Hugo Fry, il-managing director għas-Sanofi UK, qal li minn April tal-2019, fir-Renju Unit se jkun hemm ħażna ta’ mediċini għal perjodu ta’ 14-il ġimgħa, meta dan is-soltu jkun ta’ għaxar ġimgħat. Il-ġimgħa li għaddiet, Matt Hancok, il-Ministru tas-Saħħa, qal li l-pajjiż kien qed ilesti biex jaħżen il-mediċini u d-demm fil-każ li jkun hemm hard Brexit.
Apparti s-Sanofi, kumpaniji oħra tal-mediċini bdew jaħżnu l-provista minħabba l-possibbiltà ta’ hard Brexit, fost dawn l- AstraZeneca, li se żżid il-ħażna fir-Renju Unit b’20 fil-mija.
//= $special ?>

