Lokali

It-tnaqqis fir-rating minn Standards and Poor’s iqanqal tħassib gravi – il-PN

It-tnaqqis fir-rating tal-qasam Bankarju f’Malta mill-aġenzija tal-kreditu Standanrds and Poor’s tqanqal tħassib gravi.

Hekk qalu l-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi u l-Ekonomija Mario de Marco u Kristy Debono rispettivament.

It-tnaqqis fir-rating wasal wara rapport mill-Awtorità Bankarja Ewropea li kkonkluda li l-FIAU f’Malta kisret il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħasil tal-flus.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li t-tnaqqis fir-rating huwa riżultat dirett ta’ tnaqqis fil-livell u l-kwalità tas-superviżjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

“Pilatus Bank ma kellu qatt jiġi liċenzjat biex jopera f’Malta. L-Awtoritajiet mhux talli lliċenzjawh imma talli ħallew lil dan il-bank jopera b’impunità. Dawn l-awtoritajiet, fosthom l-MFSA u l-FIAU, jaqgħu direttament taħt ir-responsabbiltà Ministerjali tal-Ministru Edward Scicluna, li issa għandu iktar jerfa’ r-responsabbiltà quddiem il-konklużjoni ta’ Standards and Poor’s,” qal il-Partit Nazzjonalista.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista żiedu jfakkru li fil-5 ta’ Aril 2016, Edward Scicluna kien qal li għandhom jittieħdu deċiżjonijiet ibsin mill-Prim Ministru għar-rigward tal-Panama Papers – imma kollox juri li sa issa dawn id-deċiżjonijiet baqgħu ma ttiħdux.

“Il-Ministru Edward Scicluna nnifsu m’għamel xejn biex jipproteġi r-reputazzjoni tas-settur tas-servizzi finanzjarji u minflok għażel li jiddefendi l-kollegi tiegħu,” qal il-Partit Nazzjonalista. “Edward Scicluna issa għandu jieħu deċiżjoni iebsa hu stess: Li juri jekk hux kapaċi li jerfa’ responsabbiltà politika għall-fallimenti istituzzjonali li wasslu għal tnaqqis fir-rating ta’ wieħed mill-aktar setturi ekonomiċi importanti ta’ Malta,” temmew jgħidu l-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco u Kristy Debono.