Ekonomija Lokali

Jiżdied ir-riskju għar-reputazzjoni tas-settur bankarju f’Malta

Din it-twissija minn Standard and Poors ħarġet xahar li l-Awtorità Bankarja Ewropea qalet li l-FIAU naqas milli jatwa sanzjonijiet effettivi kontra Pilatus Bank

L-aġenzija tal-credit rating Standard and Poors innutat li f’pajjiżna żdied ir-riskju għar-reputazzjoni u l-operabilità għas-settur bankarju. Dan hekk kif din l-aġenzija żiedet dan ir-riskju b’żewġ gradi.

Standard and Poors Global Rating innutat l-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus kontra l-Pilatus Bank u l-perċezzjoni ta’ nuqqas ta’ trasparenza f’numru ta’ banek. Qabel dan ir-rapport Malta kienet fi skla erba’ ta’ dawn ir-riskji imma issa telgħet għall-iskala sitta. L-inqas skala li pajjiż jista’ jkollu hi dik ta’ wieħed u li turi settur b’saħħtu mingħajr ebda problema u l-agħar grad hi meta pajjiż jilħaq l-iskala 10.

Dan iċ-ċaqliq ifisser li l-mod kif tħares lejn il-banek li jaħdmu primarjament minn Malta Standard issa jinsab fil-grad ta’ BBB- fejn qabel kien jinsab fil-grad ta’ BBB.

Din it-twissija minn Standard and Poors ħarġet xahar li l-Awtorità Bankarja Ewropea qalet li l-FIAU naqas milli jatwa sanzjonijiet effettivi kontra Pilatus Bank u li kisret direttivi tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħasil ta’ flus meta naqset li taġixxi kontra dan il-bank.

B’reazzjoni għal din l-aħbar il-Bank Ċentrali ta’ Malta qal li s-settur Bankarju f’Malta jinsab f’qagħda sodfa, reżiljenti u profitabbli. Qal ukoll li l-Bank Pilatus li hu meqjus bank żgħir ma jpoġġi l-ebda riskju sistematiku fuq l-istabilità finanzjarja domestika.