Gareth Southgate mistenni jkun offrut kuntratt ġdid biex jibqa’ kowċ tat-tim nazzjonali Ingliż wara l-2020 filwaqt li jkollu salarju aħjar. Dan wara li wassal lit-tim Ingliż sas-semifinali tat-Tazza tad-Dinja.
Id-diskussjonijiet se jibdew il-ġimgħa d-dieħla meta Southgate jirritorna minn vaganza. It-tiġdid tal-kuntratt probabbli jfisser li Southgate jmexxi lit-tim nazzjonali Ingliż fit-Tazza tad-Dinja tal-2022 fil-Qatar.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FA Ingliża Martin Glenn qal li l-Ingilterra jridu jsiru wieħed mill-aqwa erba’ pajjiżi fid-dinja. “Gareth kien eċċellenti u rriduh jibqa’ wara l-2020. Naħseb li aħna t-tnejn irridu dan. Gareth qiegħed fuq vjaġġ. Hu ħabb it-Tazza tad-Dinja u bena l-fiduċja tiegħu li nistgħu navvanzaw. Waħda mill-aktar affarijiet b’saħħithom li qal wara t-telfa kontra l-Kroazja kienet li ma għamilnix ix-xogħol kollu.”
Is-semifinali fir-Russja, kienet l-aħjar prestazzjoni f’tournament maġġuri fi 28 sena, iżda Southgate qal li t-tim tiegħu għadu mhux mal-aqwa erba’ sa issa. Hu jinsab finalist għall-Aqwa Kowċ tas-Sena tal-FIFA.
Southgate kien inħatar kowċ nazzjonali temporanju meta t-tmexxija ta’ 67 ġurnata ta’ Sam Allardyce ntemmet. Hu kien inħatar uffiċjalment b’kuntratt ta’ erba’ snin f’Novembru tal-2016 wara żewġ rebħiet u żewġ draws. Hu ffirma l-kuntratt b’salarju ta’ ftit aktar minn €2 miljuni.
//= $special ?>