Futbol Sport

Tintemm it-tama Ewropea ta’ Valletta

Matteo Piciollo b'tentattiv fl-ewwel taqsima li għadda ftit barra (Ritratt: Martin Agius)

VALLETTA……………… 1

ZRINJSKI………………. 2

Valletta: H. Bonello, R. Saleh, R. Camilleri, S. Borg (J. Cruz Gill 81’), J. Zerafa, R. Muscat, M. Alba, S. Malano (J. Borg 88’), B. Gavrila (K. Nwoko 71’), M. Piciollo, M. Fontanella

Zrinjski: A. Soldo, M. Galic, S. Jakovljevic, H. Barisic, P. Stojkic (A. Kadusic 46’), S. Pezer, E. Rustemovic, M. Filipovic (T. Jovic 90’), M. Perisic (N. Lastro 53’), O. Todorovic, N. Bilbija

Imwissija: M. Galic 38’, S. Jakovljevic 55’ (Z), M. Alba 76’, S. Borg 77’, J. Zerafa 95’ (V)

Tkeċċa: M. Galic 51’ (Z)

Skorjaw: H. Barisic 29’, M. Filipovic 66’ (Z), S. Borg 57’ (V)

Referee: Rade Obrenovic (Slovenja)

Assistenti Referees: Grega Kordez (Slovenja), Tomislav Pospeh (Slovenja)

Gowl f’nofs it-tieni taqsima temm it-tamiet ta’ Valletta li jikkwalifikaw għat-tielet rawnd tal-UEFA Europa League. Id-differenza bejn it-tnejn kien l-aktar fil-preċiżjoni hekk kif Zrinjski ħadu l-okkażjonijiet li ġewhom, xi ħaġa li Valletta ma għamlux.

Wieħed jista’ jqis li ż-żewġ gowls ġew kontra x-xejra tal-logħba, u dan għandu jagħmel lil Valletta diżappuntati li ma sfruttawx il-pussess li kellhom, anki meta wieħed iqis li għamlu kważi taqsima aktar bi plejer aktar. Din kienet l-ewwel telfa ta’ Valletta taħt it-tmexxija ta’ Danilo Doncic.

Il-kowċ ta’ Valletta Danilo Doncic għamel bidla waħda mill-ewwel leg, bir-Rumen Bogdan Gavrila jibda flok Kyrian Nwoko. Il-kowċ ta’ Zrinjski Ante Mise għamel tliet bidliet. Il-gowlkiper Antonio Soldo beda flok Ivan Brkic filwaqt li Edin Rustemovic u Marko Perisic bdew flok Frane Cirjak u Amer Bekic.

Valletta kellhom l-aħjar okkażjoni tal-ewwel taqsima fit-22 minuta meta Rowen Muscat qabad lid-difiża avversarja fuq sieq waħda b’ballun delizzjuż lejn Miguel Alba li avvanza waħdu iżda minflok xutt b’saħħtu minn qagħda tajba fil-kaxxa, għażel li jqabbeż il-ballun bit-tentattiv jispiċċa fuq il-mimduda.

Milos Filipovic prova jaħsad lil Henry Bonello fid-29 minuta b’xutt min-nofs il-grawnd, iżda l-gowlkiper Belti kien f’postu u salva f’darbtejn. Iżda minuta wara, Zrinjski marru minn fuq b’xutt mill-isbaħ għar-rokna ta’ HRVOJE BARISIC minn barra l-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lil Bonello.

Reazzjoni immedjata ta’ Valletta li żewġ minuti wara kellhom ċans tajjeb. Mario Fontanella għamel spazju għalih u rċieva ballun fuq in-naħa xellugija. It-Taljan prova b’xutt fil-baxx għar-rokna, iżda Soldo kien attent u salva tajjeb.

Ċans ieħor tajjeb għat-tim Belti qabel tmiem l-ewwel taqsima. Minn pożizzjoni ċentrali, Joseph Zerafa għadda djagonali fuq ix-xellug lejn Matteo Piciollo li prova b’xutt fil-baxx fuq it-tieni lasta, iżda x-xutt għadda ftit barra.

Valletta fetħu tajjeb it-tieni taqsima u fid-49 minuta kellu jkun il-gowlkiper Soldo li kien attent biex ċaħħad lil Santiago Malano minn pożizzjoni ċentrali. Zrinjski kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas meta Marin Galic intwera t-tieni karta safra għal fawl fuq Matteo Piciollo.

Il-Beltin ħadu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni u fis-57 minuta ġabu d-draw. Kien Joseph Zerafa li bi kross mill-isbaħ qabad id-difiża avversarja fuq sieq waħda, b’STEVE BORG ikun pront u b’xutt mill-ewwel minn quddiem Soldo ġab id-draw.

Valletta kienu qed jikkontrollaw il-logħba, iżda kontra x-xejra tal-logħob, Zrinjski reġgħu marru minn fuq fis-66 minuta b’xutt ta’ MILOS FILIPOVIC li kien imxellef u għeleb lil Bonello.

Aktar ma beda jgħaddi l-ħin, aktar bdiet tonqos it-tama ta’ Valletta u fil-81 minuta kienu għoddhom sofrew it-tielet gowl f’azzjoni maħduma tajba li fiha Filipovic għeleb lil Bonello iżda l-ballun għadda jħakkek mal-wieqfa.

L-aħħar ċans ta’ Valletta biex tal-anqas isalvaw it-telfa wasal fit-93 minuta b’daqqa ta’ ras fuq il-ġirja tas-sostitut Jean Borg li għaddiet ftit barra.