Sa fl-aħħar, wara jiem sħaħ ta’ inkwiet u tħassib minn diversi pazjenti, se jibdew jiġu provduti pilloli ġodda tal-pressjoni. Dan wara li fuq livell internazzjonali bdew jiġu irtirati l-pilloli l-antiki (Valsartan) li kienu jitqassmu anke f’pajjiżna lill-pazjenti li għandhom din il-kundizzjoni.
Il-pilloli tal-pressjoni Candesartan li nġiebu flok il-pilloli Valsartan issa huma disponibbli mill-ispiżeriji kollha li huma fl-iskema Spiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC). Jidher illi kull spiżerija ngħatat kunsinna biex kull persuna intitolata għal dawn il-pilloli tkun tista’ tingħata provvista għal xahar sħiħ.
Persuni intitolati għal dawn il-pilloli jistgħu jmorru fl-ispiżerija reġistrati magħha, jieħdu magħhom il-pilloli Valsartan li fadlilhom biex jinbidlulhom ma’ dawk Candesartan.
Intant, fi stqarrija intqal li l-pillola Candsartan 8mg hija ekwivalenti għal pillola Valsartan 80mg, filwaqt li Candesartan 16mg hija ekwivalenti għal Valsartan 160mg.
Id-deċiżjoni tal-Gvern li, skont hu, kellha tkun provduta mediċina alternattiva għall-pillola Valsartan kienet ittieħdet wara li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) kienet avżat li nstabet potenzjalment impurità mhux mistennija fl-ingredjent attiv immanifatturat fiċ-Ċina. Dan kien wassal biex xi prodotti li fihom Valsartan ġew affettwati. Iżda xahar ilu, fl-eqqel ta’ din il-kriżi, il-Gvern kien appella biex ħadd ma jwaqqaf l-użu tal-Valsartan.
//= $special ?>