Għawdex Lokali

L-istatwa ikonika tar-Ramla l-Ħamra se tiġi restawrata

Dan il-monument reliġjuż imur lura għall-1881

Illum ingħatat l-awtorizzazjoni sabiex isir ir-restawr tal-istatwa tal-Madonna li hemm fir-Ramla l-Ħamra f’Għawdex. Ir-restawr ta’ din l-istatwa se jkun qed isir fil-magħluq, u għalhekk għal żmien qasir ix-xbieha tal-madonna se titneħħa minn nofs din il-bajja.

Fl-1995 dan il-monument kien ingħata l-protezzjoni ta’ Grad 1 bħala monument nazzjonali.

L-istatwa oriġinali kienet tpoġġiet f’nofs din il-bajja minn John Gauci mix-Xagħra, fl-1881. Din kienet inbidlet fl-1966 bi statwa oħra ta’ Wistin Camilleri (dik preżenti), li saret bi qbil mat-tifel ta’ John Gauci.

Gauci kien l-aħħar membru tal-‘Polizia Marinara’ li fis-Seklu 19 kienet tħares il-Batterija ta’ Belancourt, li kienet parti minn serje ta’ fortifikazzjonijiet tal-Kavallieri fir-Ramla. F’nofs il-bajja, fejn kienet tpoġġiet din l-istatwa, kien hemm ukoll torri żgħir għad-difiża kontra l-pirati.