Lokali Qorti

Logħba biex itawlu ż-żmien: L-Imħallef Antonio Mizzi se jirtira bl-eta’ f’Ottubru

·        L-Appelli ta’ Muscat u tal-Avukat Ġenerali jsiru eżerċizzju akkademiku

·        Is-Sentenza mill-Qorti Kostituzzjonali mhux mistennija tinqata’ qabel l-aħħar tas-sena

L-Appell tal-Avukat Generali fil-konfront tas-sentenza tal-Qorti li ordnat ir-rekuża tal-Imħallef Antonio Mizzi se jkompli jtawwal iż-żmien biex inkjesta li kienet ordnata iktar minn sena ilu, xi darba tibda. U iktar ma jgħaddi żmien iktar qed jidher li qed issir logħba għal ħin hekk kif hu mifhum li jiġri x’jiġri mill-appell, il-każ xorta waħda eventwalment se jmur għand Imħallef ieħor hekk kif In-Nazzjon hu nfurmat li f’Ottubru li ġej, l-Imħallef Antonio Mizzi se jilħaq l-eta’ tal-irtirar.

Fil-fatt, skont sorsi legali li tkellmu ma’ Net News, l-Appell quddiem il-Qorti Kostituzzjonali mhux mistenni li jinqata’ qabel l-aħħar ta’ din is-sena. Fi kliem ieħor, l-appell tal-Avukat Ġenerali se jsir eżerċizzju akkademiku għaliex l-Imħallef Mizzi ikun diġa’ irtira mill-bank tal-Ġudikatura meta jinqata’ l-appell.

Kien propju iktar minn sena ilu, preċiżament fis-26 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet, minn meta l-Maġistrat Ian Farrugia, fuq talba mid-Deputat Simon Busuttil, kien sab li kien hemm biżżejjed provi biex tibda inkjesta kriminali fil-konfront ta’ fost oħrajn il-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, dwar jekk inkisrux il-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus meta fetħu kumpaniji fil-Panama.

Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri u oħrajn, appellaw minn dan id-digriet u l-appell ġie assenjat lill-Imħallef Antonio Mizzi.

Id-Deputat Simon Busuttil, kien oġġezzjona u talab ir-rekuża tal-Imħallef Antonio Mizzi minħabba l-possibilita’ ta’ kunflitt ta’ interess peress li hu miżżewweġ lill-MEP Laburista Marlene Mizzi li f’diversi okkażjonijiet kienet għamlet kummenti politiċi dwar l-iskandlu tal-Panama Papers.

F’Ottubru li għadda, l-Imħallef Antonio Mizzi ċaħad it-talba għar-rekuża tiegħu u dan wassal biex Simon Busuttil jiftaħ rikors Kostituzzjonali fejn sostna li jekk l-appell ikompli jinstema mill-Imħallef Mizzi, dan se jwassal għall-ksur tad-dritt tiegħu għall-smiegħ xieraq.

Fit-12 ta’ Lulju ta’ din is-sena, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, fis-sede Kostituzzjonali tagħha, ippreseduta mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon, laqgħet it-talba u ordnat li l-appell ta’ Muscat, Mizzi u Schembri jinstema’ minn Imħallef ieħor.

Fis-27 ta’ Lulju, l-Avukat Ġenerali jappella minn din is-sentenza, biex issa, il-kawża se tmur quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.

Sadanittant, f’Ottubru li ġej, l-Imħallef Antonio Mizzi se jkun laħaq l-eta tal-irtirar bil-konsegwenza li se tkun intilfet sena u nofs. U dan biex jinstema’ l-appell ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi biex titwaqqaf l-inkjesta. Assoċjati wkoll fl-appell hemm Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT, l-eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers Adrian Hillman u Malcolm Scerri, sieħeb fin-negozju ma’ Keith Schembri.

Ikun biss wara li jkun deċiż dan l-appell li l-inkjesta, li kienet ordnata f’Lulju tas-sena li għaddiet, sa fl-aħħar tkun tista’ tibda tinstema’.