Lokali

Mizzi u Schembri għandhom jistennew l-eżidu tal-inkjesti – Chris Fearne

Id-deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Chris Fearne ħeġġeġ lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri sabiex jistennew l-eżitu tal-inkjesti qabel jiddikjaraw li isimhom tnaddaf minn kull akkuża li saret fil-konfront tagħhom.

Dan wara li Konrad Mizzi, wara l-konkluzjoni tal-inkjesta tal-Egrant qal li kemm hu kif ukoll iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri kien tnaddfilhom isimha minn kull akkuża.

F’kummenti li ta Fearne lil Times of Malta, huwa saħaq li kemm Mizzi u anke Schembri għandhom jistennew l-eżitu tal-inkjesti dwarhom.

Huwa qal li sakemm għadhom ma ħarġux il-konklużjonijiet tal-inkjesta wieħed għandu joqgħod attent xi jgħid.
Kemm Konrad Mizzi u anke Keith Schembri huma suġġett għal inkjesta kriminali dwar allegazzjonijiet li kissru l-liġijiet dwar ħasil ta’ flus meta fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Żewġ inkjesti oħra qed jinvestigaw l-allegazzjonijiet li Keith Schembri għadda pagamenti lill-eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied newspapers Adrian Hillman u wkoll li rċieva flus b’tixħim għall-bejgħ ta’ passaporti bl-għajnuna tal-konsulent finanzjarju tal-Prim ministru Brian Tonna.