Lokali

RITRATTI: Sfida oħra iebsa mill-fondazzjoni Lifecycle Malta

LifeCycle Challenge 2018 se tkun sfida oħra ta’ diffikulta din is-sena hekk kif se tieħu lill-parteċipanti minn Abu Dhabi għal Salalah.

F’konferenza tal-aħbarjiet fil-kumpanija Fosters Clark f’San Ġwann, ġew imħabbra d-dettalji kollha tal-istess sfida li se sservi biex ikomplu jingħataw id-donazzjonijiet għall-ħtieġa tal-kura tal-pazjenti b’mard tal-kliewi.

In-Nazzjon ħadna l-kummenti ta’ Alan Curry, fundatur ta’ din l-isfida. Huwa qalilna li din l-isfida bdiet tista’ tgħid fl-1998, u l-ewwel sfida kienet fl-Ingilterra.. u kienet saret wara li martu instabet li kellha marda fil-kliewi. Huwa spjegalna wkoll fuq l-isfida ta’ din is-sena u li l-flus se jmorru biex tkompli ssir ir-riċerka.

Tkellimna wkoll ma’ Shirley Cefai, il-President tal-istess Fondazzjoni LifeCycle Malta. Hija qaltilna aktar fuq ix-xogħol li tirrikjedi l-organizazzjoni tal-attivitá. Hija qaltilna li din is-sena bħala loġistika kienet ftit iebsa, iżda dawk kollha li se jipparteċipaw jafu li se tkun sfida iebsa.

Intant hi sostniet magħna li r-rotta ta’ din is-sena hija wkoll ta’ sfida apparti, u tinkludi sfida mhux biss ta’ ċikliżmu, iżda wkoll tat-temp u anki l-ġeografija. Hija iżda bit-tbissima fuq fomma qalet li lkoll jafu li hija sfida u lkoll qed iħarsu ‘l quddiem biex din l-isfida tkun suċċess.

Foster Clark din is-sena, bħala sponsors uffiċjali tal-istess ta’ 25 elf ewro bħala għajnuna għal din l-isfida. Din is-sena, il-Fondazzjoni għandha l-għan li tilħaq l-ammont sostanzjali ta’ Eur150,000 biex b’hekk tkun tista’ ssostni l-proġetti attwali tagħha u kif ukoll oħrajn ġodda.

Bl-isem il-Kavallieri Għarbin, il-25 ċiklist ta’ din is-sena 22 raġel u 3 nisa huma ġejjin minn Malta, Albanija, il-Kenja, il-Latvja, il-Polonja, Spanja, l-Isvizzera u r-Renju Unita.

Is-sfida se ssir bejn it-28 ta’ Settembru u t-12 ta’ Ottubru li ġej u fost l-10 t’ijiem fuq ir-rota huma se jgħamlu tliet ijiem tul id-deżert tal-istess reġjun.

Għal aktar tagħrif dwar LifeCycle Foundation u Foster Clark LifeCycle Challenge tista’ żżur www.Lifecyclechallenge.com.

Ritratti: Matthew Tabone.