Lokali

FILMAT: Tfajla barranija tinstab f’għadira demm wara li ħanxrulha għonqha

Indikazzjonijiet li fil-lejl ta' qabel il-barranija kienet f'post tad-divertiment

Kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-6.20am, il-Pulizija ġiet infurmata li nstabet persuna mejta f’Santa Venera, qrib Fleur-de-Lys. Net News għandu nformazzjoni li l-vittma hi tfajla barranija, ta’ 22 sena.

L-indikazzjonijiet kollha qed juru li dan kien delitt, hekk kif sorsi mill-post irrappurtaw li l-mara kellha feriti evidenti fuqha. Il-Pulizija fil-fatt ikkonfermaw li x’aktarx il-vittma sofriet ġrieħi minn arma li taqta’ u bil-ponta, u l-indikazzjonijiet kollha juru li instabet b’għonqha imħanxar.

Il-katavru nstab taħt ħajt fi Triq il-Mastrudaxxi, bejn żewġ karozzi pparkjati.

Mal-ewwel waslu numru ta’ Pulizija flimkien ma’ esperti forensiċi li qed janalizzaw iz-zona, filwaqt li l-Hearse ħalliet il-post għall-ħabta tat-8:30am.

Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Intant, sorsi qed jindikaw illi matul il-lejl ta’ qabel il-barranija kienet f’post tad-divertiment. Din l-informazzjoni waslet minn żewġ sorsi separati, iżda għad trid tiġi konfermata.

Iz-zona fejn seħħ il-każ

Delitti li kellna din is-sena:

  • L-ewwel delitt seħħ f’Jannar f’Għawdex, fejn instab Eġizzjan mejjet f’għadira demm f’għalqa
  • F’Mejju, Libjan inqatel fil-Ħamrun
  • F’Lulju, kellna l-qtil tal-imprenditur Hugo Chetcuti f’Paceville
  • U ftit tal-jiem ilu seħħ id-delitt doppju tal-Għargħur