Diveri pajjiżi Ewropej qed joħorġu twissijiet minħabba t-temp sħun ħafna li qed jagħmel. Temp li f’xi bnadi tan-Nofsinhar tal-Ewropa qed iwassal biex it-temperatura titla’ għal 47 Celsius.
F’Evora, il-Portugall, is-servizzi pubbliċi tpoġġew fuq l-allert hekk kif it-temperatura telgħet għal madwar 47 grad Celsius; u dan mistenni jkompli sa tmiem il-ġimgħa.Twissija minħabba s-sħana nħarġet ukoll għal 40 mill-50 provinċja Spanjola, filwaqt li fl-Italja nħarġu twissijiet fi 18-il belt minħabba s-sħana li se tagħmel.
Anki fit-Tramuntana tal-Ewropa qed tagħmel sħana kbira tant li glacier li hemm fuq il-Muntanja Kebnekaise m’għadux l-ogħla punt fil-pajjiż. Dan wara li dab erba’ metri silġ hekk kif il-pajjiż inħakem minn temperaturi sħan rekord u li wasslu għal nirien kbar fil-foresti.
Anki fil-Polonja hemm temperaturi rekord ta’ madwar 34 Celsius. Fil-kapitali, Varsavja, tpoġġew sistemi tal-ilma biex in-nies jiffriskaw ruħhom u n-nies qed ikunu mħeġġa jibqgħu ġewwa.
Sfortunatament ħafna bajjiet ingħalqu. Dan wara li kien hemm splużjoni tal-alka minħabba s-sħana li hemm.
Is-sħana għamlet ukoll ħerba mill-ħsad tal-qamħ fil-Ġermanja u pajjiżi Skandinavi – il-produtturi Ġermaniżi tal-qamħ qed jitlobu għajnuna ta’ biljun ewro.


